Coronavirus Lokali

“Bżonn li l-proċess tal-vaċċinazzjoni jitħaffef u li n-numri jonqsu” – Kamra tal-SMEs

Hemm bżonn li l-Gvern ikun aktar aggressiv u effiċjenti fil-proċess tal-vaċċinazzjoni. Gvernijiet ta’ pajjiżi oħra ferm akbar minnha ħarġu bi programmi ferm aktar ambizjużi u Malta ma tistax tibqa’ tkaxkar warjhom.

Hekk qalet il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji fi stqarrija f’reazzjoni għat-tħabbir tal-estensjoni tal-wage supplements.

Il-Kamra tenniet is-sejħa tal-Partit Nazzjonalista sabiex ħaddiema tas-saħħa anke fil-privat ikunu jistgħu jagħtu l-vaċċin, biex il-proċess jitħaffef.

L-istqarrija tinsisti wkoll li jeħtieġ li l-Gvern jagħmel dak kollu possibbli biex iniżżel in-nurmi u jġib stabilità ekonomika.

Il-Kamra tal-SMEs filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon li l-Gvern laqa’ l-estensjoni tal-wage supplements, saħqet li jekk mhux se jkun hemm arraġamenti biex in-negozji jkollhom il-moratorja fuq id-djun tagħhom estiż, se jkunu qed jaffaċċjaw problemi kbar u se nkunu qed naraw negozji jgħalqu l-bibien tagħhom.

Il-Kamra qalet dan fl-isfond ta’ sitwazzjoni fejn ħafna negozji qed jagħmlu l-għalmu tagħhom biex jibqgħu fuq saqajhom, u biex ma jkeċċux lill-ħaddiema tagħhom.