Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li wara ħafna tlajjar, illum ta x’jifhem li se jkun qed ikompli jgħin lil uħud mill-imprendituri permezz tal-estensjoni parzjali tal-Covid Wage Supplement sal-aħħar tas-sena.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco, l-Oppożizzjoni, wara konsultazzjoni ma’ numru ta’ korpi kostitwiti kienet ilha mill-bidu tas-sena titlob għal din l-estensjoni, li hija fundamentali biex in-negozji mhux biss jibqgħu fuq saqajhom iżda biex ikollhom is-saħħa jixprunaw l-irkupru ekonomiku.
Madankollu, l-PN jappella lill-Gvern biex ikun aktar ċar fid-dikjarazzjonijiet tiegħu hekk kif il-Gvern ta x’jifhem li l-iskema kif inhi se tibqa’ tapplika biss sa Ġunju. Għalhekk huwa kruċjali li l-Gvern jgħid liema huma dawk is-setturi ta’ negozji li se jitilfu l-għajnuna wara Ġunju u b’liema ammont se titnaqqas din l-għajnuna.
Dan huwa essenzjali biex sidien ta’ negozji jkunu jistgħu jippjanaw il-ħidma tagħhom għall-inqas sal-aħħar tas-sena li qegħdin fiha.