Lokali Parlament

Inkjesta mqabbda mill-Gvern dwar il-mewta ta’ tifla ta’ seba’ snin tliet snin ilu għadha mhix konkluża

Inkjesta Indipendenti li l-Ministeru tal-Familja fetaħ tliet snin ilu dwar il-mewta ta’ tifla ta’ seba’ snin għadha mhix konkluża.

It-tifla, Victoria Aluko, kienet instabet mejta fir-residenza għat-tfal tad-Dumnikani f’Ħaż-Żabbar, f’Jannar 2018, u aktar tard kien sar magħruf li hi kienet tbati minn kundizzjonijiet mediċi rari.

Minbarra l-Inkjesta Maġisterjali, il-Gvern kien ħatar lill-Imħallef Emeritus Philip Sciberras biex imexxi Inkjesta Indipendenti. Madankollu, din l-Inkjesta tidher li għadha pendenti.

Dan ħareġ mit-tweġiba li l-Ministru tal-Familja Michael Falzon ta għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’ħareġ mill-Inkjesta Indipendenti.

Iżda min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon qal li se jkun qed jagħmel dan ladarba l-Inkjesta tkun waslet fi tmiemha. Min-naħa tagħha, f’kumment lill-media, Claudette Buttigieg qalet li ma tistax tifhem għaliex Inkjesta bħal din kellha tieħu daqshekk fit-tul biex tkun konkluża.

Dan meta l-Inkjesta Maġisterjali kienet ġiet konkluża wara biss erba’ xhur.