Lokali

“Inkomplu nsaħħu r-rabtiet bejn Malta u r-Renju Unit” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla bil-laqgħat tiegħu mar-rappreżentanti ta’ diversi pajjiżi barranin, u fl-aħħar sigħat ltaqa’ mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit Cathy Ward.

Bernard Grech u Cathy Ward, li t-tnejn ħadu l-karigi ġodda tagħhom ftit ġimgħat bogħod minn xulxin, tkellmu dwar dik li hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjnalista għall-pajjiżna ghax-xhur li ġejjin. Dan fl-isfond ukoll tas-sitwazzjoni preokkupanti tal-pandemija.

Bernard Grech fakkar fir-rabtiet storiċi li għal snin twal waħħduna mar-Renju Unit, u qal li jittama li anke fid-dawl ta’ ħafna realtajiiet ġodda, inkluż Brexit, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ingilterra jibqgħu jissaħħu fiż-żmien li ġej. Xi ħaġa li tenniet ukoll il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista laqa’ lil Cathy Ward fl-uffiċju tiegħu fid-Dar Ċentrali u kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Roslyn Borg Knight u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici.