Joe Ellis, PN
Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis kompla li s-segretarji paermanenti għandhom ikunu l-paraventu tal-poplu biex jassiguraw li flus l-poplu jintefqu kif suppost u mhux ikunu l-paraventu tal-ministru.
Fil-parlament Joe Ellis qal li ċ-Civili hu meqjus li jkun imparzjali fejn ir-rwol tas-Segretarju Permanenti hu wieħed sensittiv; ma kellna bżonn l-ebda Kummissjoni Venezja biex tgħdilna dan. Hu qal li dan tispeċifikah ukoll il-kostituzzjoni u tkellem dwar ir-relazzjoni bejn il-ministri u s-segretarji permanenti fejn tratta l-mod kif ikun hemm diffikultajiet f’dawn ir-relazzjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista kompla lis-segretarju permamenti mhux uffiċjal politiku li l-lealtà tiegħu hi lejn il-poplu u mhux lejn il-gvern tal-ġurnata. Xogħlu hu li d-dipartimenti li jaqgħu taħtu jimxu skont il-liġijiet taħt id-direzzjoni politika tal-ministru.
Fi żmien il-gvern Laburista ta’ Mintoff ma kienx hemm segretarji permanenti iżda kien ikun hemm uffiċjali li jissejħu segretarji. Kien Gvern Nazzjonalista li ħatar is-segretarji permamenti wara l-elezzjoni tal-1987.
Joe Elllis kompla li hu importanti li jkun hemm kontinwità li tista’ tkun assigurata biss mis-segretarji permanenti. Hu fakkar kif Joseph Muscat kien ġiegħel lis-segretarji permanenti kollha biex jirriżenjaw meta tela’ fil-Gvern fl-2013; din kienet l-akbar daqqa lis-segretarji permanenti u kien żball li m’għandu jkun ripetut mill-ebda amministrazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-segretarji permanenti jridu jiżguraw li l-amministrazzjoni pubblika titmexxa skont il-liġijiet tal-pajjiż u huma personalment responsabbli għal dan.
Joe Ellis kompla li mhux veru li l-gvern għandu intenzjoni retta biex ir-relazzjoni bejn il-Prim Ministru u l-ħatriet ta’ dawn is-segretarji permamenti tinqata’; il-Prim Ministru xorta se jibqa’ involut.
Hu tkellem dwar il-ħatr tas-segretarju permamenti u qal li mhux minnu li s-Segretarju Permamenti Prinċipali se jinħatar bħas-segretarji permanenti l-oħra li se jinħatru fuq rakkomandazzjoni tal-PSC. Is-Segretarju Permamenti Ewlieni se jinħatar fuq il-parir tal-Kabinet tal-Ministri li jitmexxa mill-Prim Ministru.
Dan juri li r-riforma mhi se tiswa għalxejn. Hu qal li hemm ħafna dellijiet fuq l-amministrazzjoni pubblika li mhumiex sew fuq il-pajjiż. Bħala eżempju hu semma’ l-kuntatti li kien hemm bejn uffiċjal tal-MEPA Johann Buttigieg u n-negozjant Yorgen Fenech u qal li dan qed jixgħel bozza ħamra. Hu kkritika l-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela appoġġja l-pożizzjoni ta’ Buttigieg u qal li ma kellux ikun aċċettat li uffiċjali pubbliċi jagħmlu negozju individwali waqt li jkunu fil-kariga.
//= $special ?>