Lokali Saħħa

Jissokta t-taħwid fit-tqassim tal-istedina għall-vaċċin

Il-PN talab inkjesta pubblika biex jiġi assigurat li r-roll-out qed isir kif suppost

Issoktaw id-dubji dwar kif qed titħaddem is-sistema ta’ tqassim ta’ stediniet sabiex in-nies imorru jitlaqqmu kontra l-Covid-19.

Dan hekk kif wara li diversi persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li kienu qed jirċievu ittri sabiex qrabathom, li ilhom saħansitra mejta għal dawn l-aħħar tletin sena, qed jirċievu stedina sabiex jieħdu l-vaċċin, jew saħansitra jirċievu stediniet doppji, issa għandna informazzjoni dwar persuni ta’ 30 sena jew anqas illi diġa’ qed jitlaqqmu – meta mhumiex vulnerabbli.

Filwaqt li xi persuni ta’ il fuq minn 80 sena għadhom qed jistennew l-ittra tal-istedina fil-kaxxi tal-ittri – raġel ta’ età relattivament żgħira u ta’ nazzjonalità barranija kkuntattja lil Net News u spjegalna li ma jistax jifhem kif hu rċeviha stedina qabel il-maġġoranza tal-poplu.

Huwa saħaq li m’għandu l-ebda kundizzjoni li biha jista’ jitqies bħala vulnerabbli u lanqas jaħdem f’settur li preżentament għaddejj ir-roll-out tiegħu ta’ tilqim.

Anke l-Viċi Kap tal-PN David Agius tkellem dwar diversi każi ta’ din ix-xorta meta t-Tnejn kien mistieden fil-programm NETLIVE fuq Net Television.

Dan kollu jkompli jikkonferma n-nuqqas ta’ koordinazzjoni li hemm preżentament fit-tqassim tal-vaċċin f’pajjiżna.