Sport Sport Ieħor

Jitkompla t-tieni tournament individwali organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts

Erba’ plejers għaddew għall-fażi tal-aħħar sittax tat-tieni tournament individwali organizzat mill-assoċjazzjoni Maltija tad-darts. Fil-fatt Tony Borg, Tony Briffa, Ray Gera u Paul Spiteri għamluha għal din il-fażi l-aktar importanti wara li rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom.

It-tieni grupp ta’ plejers kellhom jibdew mill-ewwel fażi fejn tmienja minnhom ikkwalifikaw għal rawnd ieħor. Ċertament li l-iktar logħba missielta kienet dik bejn Alex Micallef u Miguel Pisani, b’tal-ewwel jirbaħ 3-2 bil-konfront li kellu jmur għal ħames set. Mill-banda l-oħra Tony Borg, Charles Cauchi, Tony Briffa, Joseph Micallef, Ray Gera, Desmond Kind u Paul Spiteri għaddew wara rebħiet fuq Adrian Brydon, Mario Scicluna, Tony Borg II, Matthew Vella, Kenny Harris, Jonathan Sciberras u Stephen Mangion rispettivament.

Fil-fażi tal-aħħar 32 kien hemm logħbiet ferm interessanti bl-iktar waħda eċitanti kienet dik bejn Desmond Kind u Paul Spiteri b’tal-aħħar jirbaħ 3-2. Min-naħa l-oħra Tony Borg, Tony Briffa u Ray Gera għaddew għal mal-aħħar 16 wara rebħiet fuq Charles Cauchi, Alex Micallef u Joseph Micallef rispettivament.

Din it-tieni kompetizzjoni individwali li qed issir f’sala fil-Ħamrun tkompli nhar l-Erbgħa li ġej fejn it-tielet grupp ta’ plejers jippruvaw jaslu sal-aħħar fażijiet tal-kompetizzjoni.