L-online learning għall-istudenti tal-Higher Secondary kellu jkun għażla ta’ sens komun u mhux sforz ta’ biża politika minn strajk studentesk.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, fejn fakkar kif f’ittra li ntbagħtet lill-Għalliema, intqal li din il-bidla fil-policy tal-Higher Secondary qed issir bl-approvazzjoni tal-Ministru, li jfisser li qabel ma kienx hemm approvazzjoni mill-Ministru biex isir tagħlim online.
Fl-aħħar xhur u sforz l-għebusija tar-ras tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-istudenti tal-Higher Secondary:
● Ma kienux qed igawdu minn lezzjonijiet online bħall-istudenti sħabhom f’edukazzjoni post-sekondarja, bħall-Junior College u l-MCAST.
● Ma tħallewx jiffurmaw Kunsill tal-Istudenti u għalhekk ma kien hemm l-ebda korp studentesk li seta’ jwassal l-ilmenti tal-istudenti.
● Ġieli nqalgħu mid-dar għal lezzjoni waħda biss fil-klassi, meta l-kumplament tal-lezzjonijiet kienu online. It-timetable mhux dejjem għamlitha possibbli li l-istudenti jilħqu jmorru lura d-dar għal-lezzjonijiet online.
● Fuq il-Kampus, batew minn konnessjoni tal-internet ħażina ħafna.
● Qattgħu sigħat sħaħ imma ma ngħatawx postijiet diċenti fejn joqgħodu jsegwu l-lezzjonijiet online jew jistudjaw meta ma kienx ikollhom lezzjoni. Ħafna minnhom spiċċaw bilqegħda mal-art fil-kurituri jew fit-triq.
● Ivvjaġġaw kuljum bit-trasport pubbliku b’riskju ta’ tixrid akbar tal-virus.
● Studenti vulnerabbli jew b’familjari vulnerabbli tilfu ħafna lezzjonijiet li saru b’mod fiżiku fil-klassi. Dawn l-istudenti qed jiddependu biss fuq noti li jiddubbaw mingħand sħabhom u se jkunu żvantaġġati fl-eżamijiet tal-MATSEC.
Filwaqt li laqa’ l-aħbar li l-lezzjonijiet tal-Higher Secondary se jibdew isiru kollha online, il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-istudenti li din is-sena tilfu ħafna, mhux biss tort tal-pandemija, iżda tort tan-nuqqas ta’ ippjanar u governaznza tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
//= $special ?>