Lokali Qorti

Minn 21 sena ħabs għal 12-il sena għal koppja b’rabta ma’ serq bejn l-2013 u l-2015


Koppja li kienu marru aktar minn 21 sena ħabs bejniethom fuq 10 serqiet minn garaxxijiet f’Birkirkara, Santa Venera u Ħal Qormi kellhom is-sentenza tagħhom imnaqqsa mill-Qorti tal-Appell għal dik ta’ 12-il sena. Issa l-piena tagħhom ġiet ridotta għal waħda ta’ sitt snin kull wieħed. Is-serq kien beda fis-sajf tal-2013 u baqa sejjer sas-sena 2015.

Il-każijiet kienu jinkludu serq ta’ għodda, aċċessorji ta’ vetturi u dgħajjes u oġġetti oħra fosthom siġġijiet tal-injam, żraben, vażetti tal-preserv, vacuum cleaners, tagħmir tal-ħut u kompressuri tal-arja.

Marki tas-swaba u provi ta’ DNA kienu qablu ma’ oġġetti misruqa mill-koppja fuq waħda mix-xeni tar-reat, fosthom f’wieħed mill-garaxxijiet li ttieħdu xi oġġetti minnu.

L-Imħallef Aaron Bugeja laqa’ parti mill-Appell wara li fil-Qorti tal-Maġistrati Stephen Borg ta’ 41 sena minn Birkirkara kien ġie kkundannat 11-il sena u nofs ħabs filwaqt li Antonella Vella ta’ 35 sena mill-Fgura kienet intbgħatet 10 snin ħabs.

Kien hemm numru ta’ sentenzi li waqgħu bl-Avukat David Gatt li beda jidher għall-koppja fl-istadju tal-Appell itenni li mis-sentenza tal-Ewwel Qorti l-klijenti tiegħu kien kastigati doppjament filwaqt li kien hemm akkużi oħra li kellhom jaqgħu, kif fil-fatt ġara.

L-investigazzjonijiet kienu saru mis-Supretendenti Robert Vella u James Grech fejn kien irriżulta li Borg u Vella wettqu l-ewwel serqa fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Awwissu, tal-2013, sakem inqabdu u tressqu l-Qorti wara numru ta’ serqiet oħra.

Meta tressqu l-Qorti l-koppja kienet qed tifffaċċja 29 akkuża li jinkludu tmien serqiet, żewġ attenti ta’ serq, tmien akkużi ta’ ħsara fuq propjetà u li kisru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Borg kien qed jiġi akkużat ukoll li kiser diversi kundizzjonijiet mill-Qorti u sentenza sospiża.

Meta kienu ngħataw is-sentenza mill-Ewwel Qorti l-koppja kienet difiża minn avukat tal-għajnuna legali iżda fl-Appell ħa l-patronċinju tal-każ l-Avukat David Gatt li qajjem diversi punti legali fosthom li l-koppja ma setgħetx tiġi kastigata darbtejn għall-istess reat.

L-Appell sar ukoll minħabba l-fatt li kien hemm ammissjoni mill-koppja għall-ħafna mill-akkużi bis-serq kien ta’ valur baxx. Ingħad ukoll li dawn kienu serqiet li l-mod tagħhom kien kemxejn dilettantesk billi ġiet ukoll użata l-karozza ta’ Borg, li wasslet biex jissolva l-każ.

Fattur ieħor hu li r-raġel kien qabad il-vizzju tal-abbuż tad-droga u li kellu bżonn l-għajnuna biex ma jkunx ta’ piż fuq is-soċjetà. Ingħad ukoll fl-Appell li l-Qorti tal-Maġistrati ordnat li sentenza ta’ priġunerija sospiża mogħtija preċedentement kontra l-koppja tiġi fis-seħħ minkejja l-fatt li dawn l-istess sentenzi ta’ priġunerija fil-forma sospiża kienu diġa ġew ordnati li jiġu fis-seħħ b’sentenzi oħra tal-Qorti tal-Maġistrati qabel ma ingħatat is-sentenza appellata.

“Dan iwassal għal imposizzjoni ta’ kastig doppju”, qal l-Avukat Gatt. Huwa għafas fuq l-aspett ri-edukattiv u rijabilitattiv tal-piena, li tikkonċentra mhux daqstant fuq l-aspett tal-ħtija speċifika tal-ħati u fuq l-aspett ta’ trattament terapewtiku individwali, immirat lejn irrijabilitazzjoni tal-ħati.

“Dan l-aspett rijabilitattiv huwa kruċjali għall-kollettività in kwantu jgħin lill-ħati jgħaddi minn proċess ta’ riforma tiegħu innifsu biex jgħinu jinqata’ mir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet li jkunu wasluh biex jiddelinkwi, billi jagħraf iqum fuq saqajh, billi jibni ħajtu mill-ġdid u ma jibqax aktar ta’ theddida għas-soċjeta bħal meta kien fil-mument meta jkun iddelinkwa,” qal l-Avukat Gatt.

Importanti qalet d-difiża li Borg jiġi imħeġġeġ jiżviluppa t-talenti u l-abbiltajiet tiegħu, inkoraġġit jaħdem biex ikollu biex jerġa jibni ħajtu, jkollu biex jgħix b’mod diċenti, ma jkollux għalfejn jiddelinkwi u jkollu wkoll minn fejn għad-danni li jkun ikkawża b’egħmilu.

Fir-rigward ta’ Antonella Vella ingħad li s-sentenza mogħtija fil-konfront tagħha fl-2013 jiġifieri dik ta’ sena priġunerija fil-forma sospiża kienet ġiet reża fis-seħħ diġa permezz ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali s-sena l-oħra.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li ma ħaditx konjizzjoni fuq r-reat li huma laqgħu għandhom jew xtraw ħwejjeġ misruqa, meħuda b’qerq, jew akkwistati b’reat, jew, xjentement, b’kull mod indaħħlu biex ibiegħuhom jew imexxuhom.

Il-Qorti qalet ukoll li l-mara ma nstabitx ħatja li wettqet reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiza moghtija mill-Qorti tal-Magistrati fit-8 ta’ Lulju, 2013, li wettqet reat waqt perjodu operattiv tal-libertà kundizzjonata imposti fuqha mill-Qorti tal-Maġistrati fit-8 ta’ Mejju, 2013.

Fl-Appell lanqas ma nstabet ħatja li kisret il-kundizzjonijiet tal-liberta’ provizorja imposti fuqha mill-Qorti tal-Maġistrati fit-28 ta’ Mejju, 2013, u dan taht garanzija personali ta’ €10,000 fost kundizzjonijiet ohra kif ordnata li taghmel mill-istess Qrati.

Borg ma nstabx ħati li kkommetta delitt ta’ natura volontarja, punibbli bi priġunerija waqt perijodu operattiv ta’ sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin moghtija lilu f1-4 ta’ Marzu, 2015.

Lanqas li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ provizorja imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fit-28 ta’ Mejju, 2013, u dan taħt garanzija personali ta’ €10,000

Il-Qorti qalbet ukoll is-sentenza fejn kien ġie ordnat li l-ammont konfiskat għalll-koppja kien ta’ €20,000 u li huma kienu nstabu ħatja li saru reċidivi. Il-Qorti tal-Appell bidlet is-sentenza fejn Borg kien ikkundannat għall-piena komplessiva ta’ 11 il-sena u nofs priġunerija u Vella għall-piena komplessiva ta’ 10 snin priġunerija, għal waħda ta’ sitt snin kull wieħed.

Kien ordnat ukoll li l-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija li għandu jiġi ritenut konfiskat fir-rigward ta’ Borg għandu jitqies li huwa l-ammont ta’ €18,000 u li l-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija li għandu jiġi konfiskat fir-rigward tal-mara għandu jitqies li huwa l-ammont ta’ €10,000.