Lokali Qorti

Repubblika bi Protest Ġudizzjarju kontra l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji

L-NGO Repubblika ressqet Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Anthony Abela Medici biex jieqaf jhedded lill-għaqda.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li tqis li l-ittra mibgħuta mill-Avukat tiegħu hi theddida kontra d-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-dritt għall-assoċjazzjoni u d-dritt tal-espressjoni.

Repubblika qalet li ittra bħal din mhix aċċettabli f’soċjetà demokratika. Hu insult li l-uffiċċju tal-Gvern li suppost hu maħsub biex tkun imsaħħa s-soċjetà ċivili jgħid lill-għaqda biex “ibaxxu l-volum” ħalli jibqgħu neżistu.

Repubblika qalet li mhi se taċċetta qatt li tnaqqas il-kritika tagħha meta jidhrilha li din tkun ġustifikata, tkun kemm tkun kbira l-qarnita li tipprova tbeżżgħaha.