Robert Agius magħruf bħala Tal-Maksar, u li issa huwa mplikat ukoll fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop wara emenda mill-Prosekuzzjoni fl-akkużi, kien akkwista vettura simili għal dik użata minn Daphne Caruana Galizia sabiex l-eżekuturi tagħha jkunu jistgħu jitħarrġu dwar kif jisgassaw is-serratura tal-karozza.
Din l-informazzjoni ġiet żvelata waqt il-kumpilazzjoni mis-Supretendent Keith Arnaud, li kien qed jixhed fil-konfront tal-erba’ rġiel akkużati b’involviment fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia.
Mix-xhieda ħareġ li kienu Robert Agius u Vella kienu fornew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia u wrew lill-qattiela kif din taħdem. Arnaud qal li l-bomba kienet maħżuna f’garaxx fi Vjal Ragusa bejn il-Mosta u n-Naxxar.
Il-bomba kellha daqs A4, kienet mgħobbija b’nofs kilo ta’ splussiv u kellha wkoll flixkun tal-petrol imwaħħal magħha biex taġixxi bħala aċċelerant. Ix-xhieda ta’ Arnaud hija bbażata fuq dak li qal lill-Pulizija Vincent Muscat “Il-Koħħu” li diġa ammetta quddiem l-Imħallef Edwina Grima li kien jifforma parti ta’ persuni ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat ġie kkundannat għal 15-il sena ħabs wara patteġġament li sar bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni. George Degiorgio u Alfred Degiorgio qed jiffaċċjaw proċeduri separati għall-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia bil-każ tagħhom ikompli nhar il-Ħamis quddiem il-Maġistrat Claire Strafrace Zammit.
Arnaud qal li x-xhieda ta’ Muscat tispjega kif l-eżekuturi ta’ Caruana Galizia setgħu jiftħu l-karozza ta’ Caruana Galizia daqshekk malajr u jpoġġu l-bomba taħt is-sit tal-vittma.
Kienu qed jaħsbu ukoll biex ipoġġu l-bomba meta kienet il-Belt
Il-bomba ġiet detonata minn apparat elettroniku li ġie attivata permezz ta’ SMS. Il-qattiela kienu ippjanaw wkoll li jisplodu lil Daphne Caruana Galizia meta kienet fi triqitha lejn il-Belt Valletta.
Sadanittant is-SIM cards użati biex tiġi attivata l-bomba nxtraw f’xi żmien bejn Novembru u Diċembru 2016 u lejn il-bidu tal-2017 kien ġie skambjat SMS bejniethom.
Dan probabbilment kien SMS test biex jiġi żgurat li ħadmu. Il-messaġġ ġie ntraċċat lejn Santa Venera, li jaqbel ma’ dak li Muscat qal lill-Pulizija li l-bomba kienet għal ftit ħin maħżuna f’garaxx ta’ Santa Venera peress li l-intenzjoni kienet li tisplodi lil Caruana Galizia waqt li kienet issuq lejn l-Belt.
Arnaud qal ukoll lill-Qorti li Robert Agius kien ukoll forna rifle, li oriġinarjament kien se jintuża biex jispara lil Caruana Galizia mill-bogħod. Dak il-pjan madankollu ġie skreppjat billi skont dak li qal Muscat lill-Pulizija, George Degiorgio pprefera juża bomba.
Il-Qorti semgħet ukoll lil Arnaud jixhed dwar l-involviment tal-aħwa Agius, Vella u George Degiorgio fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop f’kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Birkirkara fl-2015. Muscat ingħata maħfra presidenzjali biex jgħid kollox dwar dan il-qtil.
Il-Koħħu kien ma’ Jamie Vella u George Degiogio meta qatlu lill-Avukat Chircop
Arnaud beda ix-xhieda tiegħu fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chicop. Tenna li Vince Muscat “Il-Koħħu” qal lill-Pulizija li George Degiorgio kien ix-xufier tal-karozza filwaqt li Jamie Vella u hu kienu fuq is-sit ta’ wara meta kienu marru biex joqtlu lill-Avukat f’Birkirkara.
Muscat qal lill-Pulizija li Degiorgio kien sabu u qallu fuq kif għandhom joqtlu lill-Avukat ta’ Carmel Chircop. Dan kien qallu b’kollox taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa.
Qallu, ‘hemm job għalik mingħand tal-Ta’ Maksar, u dan biex jinqatel avukat fuq kwistjoni ta’ flus. L-Avukat huwa Carmel Chircop. Muscat kien ġie offrut €20,000 għar-rwol tiegħu u l-pjan kien li jinqatel b’tiri minn karozza. Vella kellu jispara t-tiri u l-grupp ta’ irġiel kienu ftehmu biex joqtluh f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.
Il-qattiela kienu ppjanaw kollox fejn kellhom jinnutaw il-movimenti tal-Avukat Chircop minn tieqa żgħira li hemm fil-kumpless u jarawh riesaq lejn il-karozza tiegħu.
Huma kienu saqu minn Santa Venera lejn il-binja bl-isem ta’ Rampol u joqgħodu għassa fejn Jamie Vella kien lest li jispara. Il-Koħħu qal lill-Pulizjja li l-arma kienet revolver, li ntagħżel minħabba li dan ma jtajjarx skrataċċ. Huma kellhom armi oħra, f’każ li xi ħaġa ma tmurx sew, li jinkludi wkoll rifle AK47.
Hekk kif l-Avukat Carmel Chircop fetaħ il-bieb tal-garaxx, Jamie Vella spara ħames tiri lejn l-Avukat mill-karozza. Arnaud qal li wara li għamlu dak li kellhom jagħmlu, saqu ‘l hemm, u evitaw Valley Road minħabba li din hija traffikuża.
Wara huma marru Santa Venera, fejn hemm ħallew il-karozza f’garaxx u wara marru fil-viċin f’apparament li huwa ta’ Jamie Vella. Hemmhekk huma bidlu l-ħwejjeġ biex jevitaw milli fuqhom jibqgħu marki ta’ ‘gunshot residue;, u wara kulħadd mar għal rasu.
Robert Agius ukoll akkużat bil-qtil tal-Avukat Chircop
Meta bdiet il-kumpilazzjoni tal-erba’ rġiel mixlijin b’rabta mal-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizija u l-Avukat Carmel Chircop il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li kienet se tagħmel emendi fuq akkuża minnhom fejn issa Robert Agius, wieħed mill-akkużati qed jiġi mixli bil-qtil tiegħu.
Il-kumpilazzjoni li qed tinstema’ mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż u Jamie Vella qegħdin jiġu akkużati b’dawn ir-reati.
Arnaud esebixxa fil-Qorti mappa tar-rotta li ħadu l-qattiela wara li qatlu lill-Avukat Chircop. Huwa qal ukoll li parti mill-flus, €10,000 ingħataw minn George Degiorgio, “mibgħuta minn Robert”, u żewġ pagamenti oħra ta’ €5,000 li nħabru personalment minn Robert Agius.
Arnaud xehed ukoll li l-arma użata kienet twaddbet il-baħar fil-Marsa, fejn it-Tiger Bar. Dan qal ix-xhud skont ma qalilhom Vince Muscat. Kompla li ż- żewġt irġeil kienu arrestati fit-22 ta’ Frar li għadda.Agius spiċċa arrestat fil-Baħrija u Vella mill-villa tiegħu f’ta l-Ibraġġ. Ix-xhud ikkonferma wkoll fil-Qorti li Vince Muscat qal li l-qattiela kienu jafu sa minn tliet ġimgħat qabel li kienu se jiġu arrestati.
Mart il-vittma tgħid lill-Pulizija li Adrian Agius kellu d-dejn ma’ żewġha
Is-Supretendent Keith Arnaud li nvestiga l-omiċidju tal-Avukat Chircop qal li ftit wara li dan seħħ kien tkellem ma’ mart il-vittma, li indikat li kien jemm xi ‘issues’ li kellu max-xogħol u kellmithom (lill-Pulizija) dwar każ ma’ Adrian Agius fejn kien hemm xi pagamenti dovuti minnu.
Il-mara tal-vittma kienet qalet li darba marret marret miegħu Baħar iċ-ċagħaq u Adrian Agius kien urihom villa li kienet ġiet offruta lilu biex jitħallas tal-flus li kellu jagħti.
Wara li ratha, hija tagħat parir lir-raġel biex ma jeħodhiex u għalhekk id-dejn baqa pendenti. Il-vittma kien iħobb imur ħafna għand il-Yorkdale għal kafe fin-Naxxar u hemm iltaqgħu ma’ Adrian Agius fejn dak inhar semgħatu jgħidl lil żewġha li messu ħa l-villa.
Il-mara spjeat ukoll lill-Pulizija li xahar qabel il-qtil kienet imsiefra mar-raġel tagħha fejn kienu l-Italja u hemm semgħet lir-raġel jitbaqbaq fuq dawn il-flus, u semgħatu jgħidlu fuq il-mobajl biex ma jinsiex li għadu ma għaddiex il-pagament.
L-Avukat Carmel Chircop kien qal lil martu li Adrian Agius kellu jmur għandu fil-ġurnata tat-Tnejn, meta kienu msefrin, u hi staqsietu għaliex ma kienx qallu li kienu se jkunu msiefrin, u hu qalilha, li aħjar le.
Is-Supretendent Arnaud qal li l-Pulizija sabu dokumenti li wrew li kien hemm maħżen f’Ħal Qormi li ġie trasferit lil Chircop, li kien se jinbiegħ lid-Direttur ta’ More Supermarkets.
Kien hemm differenza fuq dak li kien se jirċievi Chircop fuq dan it-trasferiment. Madankollu il-wegħda tal-bejgħ ma saritx u Chircop kien qabbad lil Agius biex jiġbor €600,000 li kellu jieħu mingħand Ryan Schembri, li kien is-sid ta’ More Supermarket.
Ix-xhud qal li l-Pulizija kienet kellmet avukat, li kien kera uffiċċju mingħand Chircop. Qal ukoll li Adrian Agius kien mitkellem mill-Pulizija u dak iż-żmien kien ċaħad kull involviment fil-qtil ta’ Chircop. Huwa kien tahom dettjali wkoll fuq negzoju li kellu ma’ Chircop.
Arnaud spjega li id-deal fin-negozju kien bl-intenzjoni li maħżen jiġi żviluppat f’uffiċini. Kienet wegħda ta’ bejgħ li minnu Chircop kellu jaqla €700,000 minnu.
Il-bejgħ kien se jiswa €3miljuni. Adrian Agius kien ilmenta li huwa għal dan biex jiġi evitat li titħallas it-taxxa u qal lill-Pulizija li ma kien hemm ebda raġuni għaliex kellu joqtol lil Chircop.
Agius qal ukoll lill-Pulizija li kien se jiċċallinġja l-validità tal-ftehim li kien sar quddiem nutar. Arnaud qal li ħames snin ilu huma ma kellhomx provi biżżejjed biex iressqu fuq il-qtil ta’ Chircop.
Riedu jkunu ċerti li Daphne Caruana Galizia ma teħlishiex kif ħelisha Bone
Vince Muscat qal lill-Pulizija li l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia issuplixxewha Robert Agius u Jamie Vella. George Degiorgio kien staqsa jekk din il-bomba kinitx aktar b’saħħitha minn dik li feriet lil Romeo Bone, li spiċċa tilef żewġ riġlejn fl-2017, huwa kien mgħarraf li kienet tikkontjenti 500 gramma ta’ splussiv.
Testijiet fuq il-bomba saru f’garaxx fin-Naxxar garage, Vince Muscat qal lill-Pulizija , b’Robert Agius u Jamie Vella juruhom kif jużawha. Kien hemm ukoll pjan ieħor li kien jikkonsisti biex Daphne Caruana Galizia tiġi maqtula permezz ta’ spartatura, mit-tieqa tagħha fejn hija kienet tagħmel ix-xogħol.
Madankollu George Degiorgio dejjem ipprefera l-għażla tal-bomba, kompla jgħid Arnaud. Muscat qal lill-Pulizija li fost it-tħassib li kellhom kien kif kienu se jpoġġu l-bomba. Darba minnhom il-karozza ta’ Caruana Galizia kienet ipparkjata barra mill-grada tad-dar tagħha.
George Degiorgio qabad il-‘car lock’, poġġa u tpoġġiet il-bomba. Il-pjan kien li Alfred Degiorgio iċempel lil George meta Caruana Galizia titlaq mid-dar. Huma baqgħu isegwu x’kien qed jiġri permezz ta’ tromba.
F’ħin minnhom ħarġet mid-dar, iżda immedjatament marret lura. Alfred qal lil George biex jieqaf. Wara reġgħet ħarġet u telqet u l-bomba ftit wara ħadet.
Arnaud ta rendikont ta’ kif huwa ġie notifkat u kif ġiet sploduta l-bomba. Madankollu tenna li dan huwa suġġett għall-inkjesta maġisterjali li qed issir mill-Maġistrat Neville Camilleri.
Arnaud spjega li l-investigazzjoni stabbilit in-numru tas-SIM fl-appartat tal-isplussiv u li meta ntbagħat l-SMS wassal biex il-bomba tisplodi. Arnaud qal li l-Pulizija wżat data li wasslet għat-tliet irġiel li wettqu l-omiċidju, u li din wasslet mit-torrijiet.
Arnaud qal li l-FBI, Europol u esperti tal-NFi stabbilew li l-bomba ħadet permezz ta’ SIM card li kienet fiha. Il-messaġġ kien intbagħat ftit minuti qabel it-3pm tas-16 t’Ottubru, 2017.
It-torrijiet urew numru wieħed, bil-Pulizija tivverifika dan kollu, fejn kien hemm movimenti minn San Pawl il-Baħar lejn il-Marsa, biex salpaw bil-baħar lejn il-Punent, dak inhar tal-qtil.
Il-Pulizija wara kellha f’idejha żewġ numri oħra li kienu mxew mal-istess numru. Wieħed minnhom kien in-numru personali ta’ George Degiorgio. L-ieħor kien dak li jissejjaħ ‘burner phone’. It-tliet mobajls kien regolarment mexjin pari passu flimkien fl-inħawi tal-Bidnija.
Mucat u Alfred Degiorgio kienu marru Marsaskala biex jiġbru l-ħlas tgħhom. Huma ngħataw €30,000 bħala deposit. B’kollox ħadu €120,000, b’Muscat jieħu €40,000 minnhom.
Muscat qal lill-Pulizija li Robert Agius kien idobba Peugeot 108 simili għal dik li kellha Caruana Galizia, dan biex jippratikaw fuqha biex ikunu ċerti fejn ipoġġu l-bomba fil-lock.
Muscat wera wkoll lill-Pulizija il-garaxx fin-Naxxar fej n kienet inżammet il-bomba. Il-garaxx dak iż-żmien kien ta’ ċertu John Bugeja. Bugeja kien għamel xi ftit negozju ma’ Robert Agius u kellu jaghħtih xi flus.
Arnaud irrefera għal rapporti fejn Muscat kien offrut xi flus minn Agius u Vella biex iżomm ħalqu magħluq fuq l-omiċidju, dan wara li fil-media wkoll kien ħareġ li allegatament il-familja ta’ Muscat kienet offruta €1,500 fix-xahar biex kollox jibqa’ mistur.
Ix-xhud qal li persuna li tiġi minn Muscat kellha offertà mingħand Jamie Vella fil-Marsa. Vella kien ipponta lejn raġel li kien f’karozza, u qal lil persuna li kien Robert Agius, u li qed joiffri €1,500 fix-xahar bħala ħlas. Dab il-membru tal-familja ta’ Muscat ma kienx aċċetta l-offertà u minn dak inhar ‘l hawn huwa qatt ma ltaqa’ ma’ Jamie Vella jew Robert Agius.
Arnaud qal li riżultat ta’ aktar żvilupp fil-każ, il-Pulizija kienu kisbu erba’ mandati għall-arrest tal-erba’ akkużati. L-aħwa Agius brothers kienu ġew arrestati fil-Baħrija. Qal li f’karozza l-Pulizija sabet madwar 300 gramma sustanza suspettata llegali u oġġetti oħra.
Arnaud qal li diversi apparati elettroniċi nstabu wkoll għand l-aħwa. Tenna li żewġ esperti mill-Europol ġew appuntati biex jivverifikaw data u jippreżentawha bħala evidenza fil-każ.
Fil-preżent dan l-apparat qed jiġi trasportat lejn The Hague fl-Olanda. Il-Pulizija anke bagħtet is-sustanza għal analiżi. Arnaud qal li fil-karozza Mercedes ta’ Robert Agius, instabu €45,000 fi flus kontanti u €20,000 oħra nstabu fil-villa tiegħu fil-Baħrija. Ix-xhud qal li hu flimkien mal-Ispetturi, Pawney u Camilleri interrogaw lill-akkużati, li ma wieġbu għal ebda domanda li saret lilhom.
Il-qtil tal-Avukat Chicop
Dwar il-qtil tal-Avukat Chircop, l-Ispettur Keith Arnaud qal li li fis-sena 2015 kellhom suspetti imma mhux provi biżżejjed biex jitressaq xi ħadd. Qal li fit-8 ta’ Ottubru tal-2015, kienu nfurmawh li kien instab raġel maqtul viċin il-garaxx tiegħu.
Il-vittma kien fil-bieb tal-garaxx tiegħu wiċċu ‘l fuq, tliet kwarti ta’ ġismu fil-garaxx u mill-pexxul l-isfel il-kadavru kien fil-komun. Kien hemm tir fejn il-lock tal-bieb tal-garaxx. Huwa kellu dmija man-naħa taż-żaqqu u demm ma’ rasu.
Maġenbu kien hemm briefcase u mobile u kienu wkoll mitkellma l-ġirien li qalu li kienu semgħu tiri qabel is-7.00am. Minkejja li deher li kien maqtul b’tiri ma nstabu l-ebda skrataċċ fil-post, u għalhekk dan l-omiċidju seta’ sar b’revolver jew il-qattiel jew qattielha ġabru l-iskrataċċ.
Mill-awtopsja ħareġ li kellu l-vittma kellu tmien feriti ma’ ġismu minnhom bullet wounds, entry u exit wounds, possibiliment intlaqat b’erba’ tirri, f’dahru, in-naħa ta’ fuq tal-għonq in-naħa tal-lemin u tliet ġrieħi l-isfel tad-dar u ppenertat għal idejh il-leminija.
Kien hemm karozza waħda il-garaxx u faċċata tal-bieb kien hemm tieqa u żewġ scooters żgħar. Aktar tard insabet bullet fejn is-saqajn tal-iscooter u t-tieni waħda mal-ħajt tan-naħa tal-lemin meta wieħed iħares lejn il-garaxx. Il-vetura kellha ukoll ħsarat fil-bonnet bit-tiri.
L-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Paul Caruana Galizia qed jidhru bħala parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat George Camilleri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri. L-Avukati Alfred Debono u Rene Darmanin qegħdin jidhru għal aħwa Agius u Jamie Vella, bl-Avukat William Cuschieri qed jidher għal George Degiorgio. Il-kumpilazzjoni tkompli għada l-Erbgħa fit-8.30am.