Lokali

Zammit Lewis jibqa’ jiddefendi lil Rosianne Cutajar

Ma jiżvelax l-ismijiet li qed iżeffen fin-nofs Chris Fearne

Għall-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, Rosianne Cutajar kien ħaqqha u kif tkun preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ ta’ malajr il-Gvern biex it-Tnejn filgħaxija ifakkar ‘Jum il-Mara’.

Cutajar serviet bħala Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru ta’ Zammit Lewis, sakemm irriżenjat temporanjament wara li inqabdet illi ħadet flus cash mingħand in-negozjant Yorgen Fenech fuq senserija ta’ propjetà fl-Imdina – flus li ma ddikkjaratx fl-assi tagħha, u akkużi li qatt ma ċaħdet.

Minkejja li ftit ilu kienu żvelati aktar messaġġi li għaddew bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, li fihom tgħid “Naf kemm għamilt għalija… €9,000 ħafna… rigal żgħir tal-birthday kien ikun iktar minn biżżejjed”, Zammit Lewis għażel li johrog ghonqu ghal Rosianne Cutajar. Dan meta mistoqsi jekk hux komdu biha fil-Grupp Parlamentari Laburista.

Intant, il-Ministru tal-Ġustizzja naqas milli jsemmi l-ismijiet taż-żewġ deputati tal-Oppożizzjoni li rrefera għalihom Chris Fearne fil-Parlament, u li skont hu riedu preċedenza fit-tilqima tal-COVID-19

Viżibilment skomdu jwieġeb din il-mistoqsija ta’ NET News, il-Ministru Zammit Lewis ippreċiża li huwa l-Ministru tal-Ġustizzja u mhux tas-Saħħa biex jevita jsemmi l-ismijiet taż-żewġ deputati tal-Oppożizzjoni meta tlabnieh jissostanzja dawn l-akkużi fl-arja.

Dan kollu juri kemm dak li qal Fearne ma kienx minnu, kif spjega fil-Parlament il-Kap tal-PN Bernard Grech it-Tnejn filgħaxija li fih ikkonferma li se jikkontesta r-ruling tal-iSpeaker li ma sab ebda ksur ta’ privileġġ.