Basketball Sport

ARMS Depiro u Starlites GIG ikomplu jerbħu

Colin Schembri

ARMS Depiro 63

Hibernians 55

(9-13)(18-15)(16-21)(20-6)

ARMS Depiro: M. Caruana 20, L. Duncan 2, J. Xerri 7, N. Hili 4, H. Johnson 28, N. Ebejer, N. Borg 2, E. Cassar.

Hibernians: Cl. Camilleri 2 , I. Agius 3, Y. Bonett 2, S. Brincat 9, B. Agius, J. Abela 10, Ch. Camilleri, N. Farrugia 3, K. Caruana 2, M. Buhagiar 12, D. Frieson 12.

Referees: Ivica Simic, Fiorentina Ciurariu, Ionut Ciurariu.

ARMS Depiro kisbu l-ħames rebħa fil-kampjonat meta minkejja n-nuqqas ta’ diversi players huma għelbu lil Hibernians 63-55. Fost il-players nieqsa għall-coach Ruben Baldacchino kien hemm Nicole Agius, Noelene Agius, Claira Ciantar, Danika Galea u Thea Mifsud. Minbarra r-raġunijiet relatati mal-pandemija, Depiro ġew milquta wkoll mill-aħħar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ parteċipazzjoni fl-isport minn żgħażagħ taħt is-sbatax –il sena. Intant, kienu Hibs li fetħu bl-aħjar mod meta għamlu l-ewwel 10 punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Jasmine Abela flimkien ma’ Sam Brincat, Kirsty Caruana u Daphne Frieson. Depiro finalment wieġbu u bdew bi trippla ta’ Hannah Johnson flimkien ma’ Julia Xerri. Qabel tmiem is-sessjoni kien hemm trippla fuq kull naħa minn Abela u Monique Caruana għal skor ta’ 13-9. Depiro ppareġjaw fil-ftuħ tat-tieni perjodu bil-punti ta’ Xerri u wara li Hibs reġgħu marru minn fuq, punti ta’ Johnson u Xerri taw il-vantaġġ lil Depiro. Iż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin biex Hibs daħlu jistrieħu punt minn fuq 28-27.

Wara l-intervall, Hibs reġa’ kellhom bidu tajjeb fejn għamlu run ta’ 12-3 bi trippla ta’ Brincat flimkien ma’ Marie Buhagiar u Iona Agius biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 40-30. Depiro ma ċedewx u għamlu 8 punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Caruana però Hibs ukoll kellhom trippla minn Abela biex baqgħu 5 minn fuq 45-38. Caruana kellha trippla oħra għal Depiro però punti ta’ Claudia Camilleri u Brincat ħallew lil Hibs fuq quddiem 49-43. Fl-aħħar taqsima l-vantaġġ ta’ Hibs kiber għal 8 punti 51-43. Hawn Depiro kellhom mument mill-aqwa meta għamlu run ta’ 15-0 fejn Caruana kellha żewġ trippli flimkien m’oħra ta’ Johnson u marru seba’punti minn fuq. Hibs dehru mfixkla u ma rnexxielhomx jirkupraw il-partita biex Depiro ħarġu rebbieħa 63-55.

Starlites GIG 55

Caffè Moak Luxol 28

(13-6)(15-2)(14-9)(13-11)

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 9, A. Micallef 11, S. Farrugia 10, M. Bonett 7, S. De Martino 4, C. Curmi, J. Diaby 8, P. Arguello 4, S. Davies 2. N. Schembri.

Luxol: V. Selvaggi, A. Mifsud 2, C. Sollami 8, N. Vella 8, H. Galea, K. Portelli 3, A. Borg, M. Camilleri, K. Koenig, M. Grech 7, M. Pollacco, A. Moranska.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Ivica Simic, Kamil Dworniczak.

Starlites GIG komplew bis-sensiela ta’ rebħ meta għelbu lil Caffè Moak Luxol 55-28. Kif juri l-iskor Luxol kellhom diffikulta biex jagħmlu l-punti tant li sal-intervall kienu għadhom kisbu biss 8 punti. Huma tilfu lill-Amerikana Kali Koenig wara biss ħames minuti b’injury. Starlites kienu mingħajr Catherine Cilia u Kim Pirotta però rkupraw lil Michela Zammit Cordina. Kienu Starlites li għamlu l-ewwel għaxar punti tal-partita minn Maria Bonett, Samantha Farrugia u Josephine Diaby. L-ewwel punti ta’ Luxol waslu minn trippla ta’ Cristina Sollami li għamlet ukoll il-punti kollha tagħhom f’din it-taqsima. Starlites kellhom tlett punti oħra minn Farrugia biex temmew l-ewwel sessjoni 13-6 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol kellhom biss basket wieħed minn Sollami fejn qablhu Starlites kienu diġa għamlu 10 punti oħra. Huma għamlu l-aħħar ħames punti minn Farrugia u Zammit Cordina biex daħlu jistrieħu 28-8 minn fuq.

L-andament tal-partita baqa’ l-istess fit-tielet sessjoni fejn Starlites fetħu b’run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Anthea Micallef, Stephanie Davies u Steffi De Martino. Luxol kellhom trippla minn Nicile Vella però Starlites kienu għadhom 42-17 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda bilanċjata fejn Starlites bdew bil-punti ta’ Diaby u trippla ta’ Zammit Cordina. Luxol wieġbu permezz ta’ Kay Portelli u Martine Grech li għalqet il-partita bi trippla hekk kif Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 55-28.

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Rebħa għal Starlites kontra Luxol

Bupa Luxol 73

Starlites GIG 87

(13-12)(29-26)(21-23)(24-25)

Bupa Luxol: J. Cefai 8, K. Gauchi, P. Engelbert 2, N. Buhagiar, E. Caruana Montaldo, JP Schembri 6, L. Trapani, K. Elder 28, A. Arrington 16, S. Cappello 15.

Starlites Gig: A. Felice Pace 10, J. Zammit 17, R. Bonnici 4, M. Formosa, M. Scerri 9, R. Carabott 1, B. Jefferson 18, T. McConico 21, M. Palmier, R. Ahearn 6.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Fiorentina Ciurariu.

Starlites GIG kellhom jitħabtu biex jiksbu d-disa’ rebħa tal-kampjonat kontra Bupa Luxol tant li kellha tkun run fl-aħħar minuti li aċċertathom mir-rebħa.Luxol bdew il-partita bl-ewwel sitt punti minn Stefan Cappello u Kyree Elder. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet b’run ta’ 12-2 fosthom trippla minn Alec Felice Pace flimkien ma’ Ryan Carabott , Robert Bonnici, Jack Zammit u Travis McConico. Luxol irkupraw minn dan il-mument u l-Amerikani Elder u Arsenio Arrington kisbu sensiela ta’ punti li rawhom itemmu l-ewwel taqsima 21-18 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Luxol kabbru l-vantaġġ għal sitt punti hekk kif bdew bil-punti ta’ Elder u Cappello. Starlites wieġbu bil-baskets ta’ McConico flimkien ma’ Zammit u Bryon Jefferson u marru minn fuq. Luxol kellhom trippla ta’ Juan Cefai li poġġiethom minn fuq però sa’ tmiem il-perjodu Starlites kellhom il-baskets ta’ McConico u Jefferson li rathom jidħlu jistrieħu punt minn fuq 39-38.

Wara l-intervall, Luxol fetħu bl-ewwel sitt punti biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Starlites wieġbu permezz ta’ Robert Ahearn flimkien ma’ McConico bil-Luxol iżommu l-vantaġġ wara trippla ta’ Jean Paul Schembri. Il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat bil-Luxol ikabbru l-vantaġġ għal tmien punti wara trippla oħra ta’ Elder hekk kif Arrington kien fuq il-bank bir-raba’ foul. Qabel intemmet it-taqsima, Starlites kellhom trippla minn Matthew Scerri għal skor ta’ 64-59. Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tal-aħħar taqsima wara punti minn Scerri u Zammit. Elder ippareġja mill-ġdid però Starlites kellhom it-trippli minn Zammit u Felice Pace però Cappello żamm lil Luxol viċin wara żewġ baskets. Hawn però Starlites għamlu run deċisiva ta’ 9-2 bi trippla ta’ McConico biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 87-73.