Internazzjonali

Battibekk ġdid bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea…din id-darba dwar l-esportazzjoni tal-vaċċini

Ir-Renju Unit ċaħad kategorikament li qed jimponi l-miżuri ta’ projbizzjoni ‘netti’ għall-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-coronavirus.

Dan fost tilwima diplomatika ġdida bejn Londra u l-Unjoni Ewropea, wara li Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, sostna li t-Tmexxija Britannika implimentat sistema ta’ projbizzjoni ‘li tapplika għall-vaċċini u l-komponenti kollha (għal kontra l-virus) li huma prodotti fir-Renju Unit.’

Michel, fost oħrajn, irrefera għan-‘nazzjonaliżmu tal-vaċċin’, bl-akkuża xejn ma tinżel tajjeb mal-awtoritajiet f’Londra u bis-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, ifisser is-suġġeriment bħala ‘kompletament falz’.

Dominic Raab għamilha ċara wkoll li ‘il-Gvern Britanniku fl-ebda ħin ma waqqaf l-esportazzjoni ta’ imqar vaċċin wieħed tal-Covid-19 inkella tal-komponenti tal-vaċċin’. Fil-fatt, ir-Renju Unit, li mistenni jkollu surplus qawwi ta’ vaċċini wara li ordna mal-400 miljun doża, diġà qal li se jagħti l-parti kbira tal-vaċċini li ma jintużawx lill-ifqar pajjiżi tad-dinja.

Fl-aħħar sigħat, il-viċi-ambaxxatur tal-UE għal Londra, Nicole Mannion, ‘iddiskutiet fit-tul l-aħħar żviluppi tat-tilwima’ mal-uffiċjali tal-Foreign Office f’Londra.

Il-kelliema għall-UE qalu, wara, li ‘f’dan l-istadju mhumiex se jingħataw aktar kummenti dwar l-andamenti tal-laqgħa’ bejn Mannion u l-Foreign Office.

L-argument ġdid dwar il-vaċċini żbroffa meta l-Mexxejja tal-Ewropa jinsabu taħt pressjoni dwar id-distribuzzjoni tal-vaċċini lill-popli tagħhom.

Sadanittant, fir-Renju Unit kompla r-ritmu qawwi tat-tilqim, meta mat-22.5 miljun persuna – jew terz tal-popolazzjoni – diġà ngħataw l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-coronavirus.