L-awtoritajiet fil-Ġermanja huma konvinti li ħafna aktar ċittadini se jingħataw it-tilqima kontra l-coronavirus minn April – bil-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż Jens Spahn jikkonferma li t-tobba tal-familji se jkunu jistgħu jibdew jagħtu t-tilqima importanti ‘minn ġol-klinika’.
Dan kien żvelat fi żmien meta l-Ġermaniżi qed isiru frustrati dwar ir-ritmu pjuttost kajman tad-distribuzzjoni – jew rollout — tal-vaċċin. Min-naħa tiegħu, Spahn sostna li fil-jiem li ġejjin, it-tilqim fuq bażi ġenerali se jiżdied b’mod sinifikanti anki jekk ‘mhix realistika’ it-teorija li t-tilqima tista’ tingħata lil 25 fil-mija tal-poplu fl-ispazju ta’ xahar wieħed.
Il-Kap tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Ġermaniżi (KBV), Andreas Gassen, qal li jistgħu jingħataw mal-5 miljun doża f’ġimgħa mill-kirurġiji u ħeġġeġ biex il-Gvern jagħmilha possibbli ħalli t-tobba jiksbu l-vaċċin mill-ispiżerji u ‘ma jispiċċawx fgati bil-burokrazija’.
Dan meta l-Ġermanja bdiet tnaqqas mir-restrizzjonijiet tal-lockdown anki jekk l-infezzjonijiet ‘lokali’ bil-Covid-19 qed jitilgħu mill-ġdid.
Franza ukoll irrankat il-programmi tat-tilqim fl-aħħar jiem, b’eluf ta’ nies qegħdin imorru jieħdu d-doża fiċ-ċentri tat-tilqim li twaqqfu f’numru ta’ bliet.
Il-Gvern Franċiż – wara bidu pjuttost inċert fid-dawl tal-kriżi – qed iżid sew il-kampanja tat-tilqim bil-għan li jnaqqas mill-piż fuq l-isptarijiet u jevita aktar restrizzjonijiet għall-poplu. Dan meta r-rollout qed jaqbad il-pass wara li l-fażi inizjali tal-programm kien ikkonċentraw biss fuq iċ-ċittadini vulnerabbli.
Sadanittant l-awtoritajiet turistiċi f’Ċipru huma ottimisti li jkollhom ‘sajf tajjeb u nieqes mir-restrizzjonijiet li saru parti mill-ħajja ta’ kuljum’. Dan meta numru ta’ pajjiżi Ewropej, u b’mod partikulari r-Renju Unit, diġà qegħdin jimplimentaw pjani u deċiżjonijiet li kapaċi jibdlu s-sitwazzjoni għall-aħjar fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Mill-Ewwel ta’ Mejju, Ċipru jibda jilqa’ lit-turisti mir-Renju Unit dment li dawn ikunu ngħataw żewġ dożi ta’ kwalunkwe vaċċin approvat mill-Aġenzija tal-Mediċina Ewropea. Kelliema għall-awtoritajiet turistiċi huma sodisfatti dwar l-aħħar żviluppi u qed jistennew ‘attività sostanzjali’ mil-linji tal-ajru, meta Ċipru jibqa’ destinazzjoni popolari ħafna mat-turist Britanniku.
Min-naħa tagħha, Spanja – li wkoll hi ħerqana li tistimola settur tat-turiżmu kważi moribond – diġà qalet li mhix se tillimita l-aċċess għall-barranin li jkunu tlaqqmu kontra l-virus.
//= $special ?>