Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista ġab lil pajjiżna fi krizi bla preċedent,
Huwa qal li llejla erġajna rajna Prim Ministru li minflok qiegħed hemm biex iserraħ ras il-poplu moħħu biss biex ikun pikuż.
“Reġa’ għandna konferma li l-pandemija ħarbet minn idejn Robert Abela u dan mhux b’kumbinazzjoni għax li tiżra taħsad”.
Hu qal li min qal li tsunami se jġibu xmara baqa’ jitkaxkar mat-tsunami. Il-ħasra, qal Bernard Grech, hi li miegħu tkaxkarna aħna lkoll.
Bernard Grech qal li l-Gvern żera’ l-arroganza fil-mod kif aġixxa u ta’ dan qed inħallsu aħna lkoll.
“Din hija kriżi li l-Prim Ministru ġabha b’idejh u ta’ dan irid iġorr ir-responsabbiltà“.
Fl-isptar hemm kollass sħiħ fil-kura intensiva, kif ukoll hemm diffikultajiet kbar fl-oqsma kollha.
Illum il-Prim Ministsru kellu jammetti li ħela sena u li s-sagrifiċċju li għamel il-poplu kienu għalxejn, u li ħela sena lin-negozjanti u s-sidien ta’ negozji.
Lil uliedna ħlielhom sena milli edukazzjoni, lill-anzjani ħlielhom sena milli jaraw lil uliedhom u lil ulied uliedhom.
Bernard Grech esprima solidarjetà mal-anzjani u tenna s-sejħa li għamel aktar kmieni biex tissejjaħ emerġenza nazzjonali. Hekk biss, qal Grech, verament ikollna kontroll effettiv, meta l-kontroll jitmexxa minn pariri mediċi, u mhux mill-politiku.
“B’hekk biss ma jkollniex għalfejn tabib jagħżel bejn ħajtek jew ħajjet ħaddieħor”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħala Oppożizzjoni kienet ilha tappella lill-Gvern biex jieħu miżuri aktar serji li jikkontrollaw mill-bidu l-firxa tal-pandemija. Madankollu l-Prim Minisru webbes rasu, u ddeċieda min jeddu filwaqt li injora x-xjenza u l-pariri mediċi.
Bernard Grech qal dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar miżuri ġodda biex jipprova jikkontrolla l-pandemija li laħqet livelli inkwetanti f’pajjiżna.
