Coronavirus Lokali Saħħa

“Għandha tissejjaħ emerġenza nazzjonali fis-saħħa pubblika mill-iktar fis” – Bernard Grech

“Quddiem il-falliment ta’ Robet Abela, aħna qed ninsistu li immedjatament tissejjaħ emerġenza nazzjonali fis-saħħa pubblika biex b’hekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jingħataw poteri addizzjonali biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu mill-iktar fis u mingħajr il-bżonn tal-approvazzjoni tal-politiku.”

Dikjarazzjoni ċara mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif illum pajjiżna reġa’ kellu konferna ċara li l-pandemija tal-COVID ħarbet mill-kontroll tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Huwa sostna li dan għandu jsir sabiex ma jkunx hemm għalfejn jittieħdu miżuri drastiċi oħrajn li kull ma jmur qed isir iktar inevitabbli sabiex tkun tista tigi mrazzna il-pandemija li bħalissa tinsab bla kontroll.

Bernard Grech qal li konsegwenza ta’ dan kollu qed iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin, in-negozji u l-anzjani. Huwa qal li dak li qed jiġru f’pajjiżna bħalissa huwa r-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru u ta’ kull Ministru u Deputat tal-Gvern.

“Din hija kriżi li l-Prim Ministru ġabha b’idejh u ta’ dan irid jerfa’ responsabbiltà.  Ġabha b’idejh għax ma ħalliex f’idejn l-Awtortiajiet tas-Saħħa imma iddeċieda waħdu.”

Il-każi rekord li kienu rreġistrati llum qed iwasslu għal kollass ta’ servizzi tas-saħħa neċessarji… kollass sħiħ fis-settur tal-kura intensiva, fis-swali tal-mediċina u fis-servizzi tal-emerġenza. 

Bernarnd Grech qal li hemm diversi studenti u għalliema fi kwarantina, fejn konsegwenza ta’ dan hemm ħafna ġenituri li ma jistgħux imorru ghax-xogħol minħabba li jinsabu fi kwarantina ma’ uliedhom. Negozji u intrapriżi magħluqin għax ammont kbir ta’ ħaddiema fihom ukoll jinsabu fi kwarantina

Il-Kap tal-PN qal quddiem din is-sitwazzjoni għandu jkun hemm politiċi li jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Dan hu l-mument li jitlob politiċi maturi u kompetenti. Politiċi li jiddeċiedu. U li jiddeċiedu b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza. Politiċi li jagħżlu mhux skond dak li jaqbel lilhom iżda skond dak li jaqbel lill-familji Maltin u Għawdxin.