Internazzjonali

Greċja: Midruba waqt protesti kontra l-brutalità tal-pulizija

Numru ta’ pulizija spiċċaw midruba f’Ateni waqt konfronti  ma’ dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra ‘l-azzjonijiet brutali’ min-naħa tal-qawwiet għaż-żamma tal-liġi.

L-inċidenti nqalgħu fil-lejl tat-Tlieta meta d-dimostranti fil-kapitali kienu laħqu massimu ta’ 5,000 jew aktar – u bl-inħawi ta’ Ateni jispiċċaw karatterizzati bil-vjolenza u l-kaos. Id-dimostranti kienu qed jesprimu rabja dwar filmat li wera raġel qed ikun imsawwat mill-pulizija fid-distrett ta’ Nea Smyrni – u meta mifhum li l-inċident kien seħħ nhar il-Ħadd li għadda.

Folol ta’ nies, fil-lejl tat-Tlieta, inġabru f’Nea Smyrni – iz-zona residenzjali fejn inġibed il-filmat – fejn xejjru tabelluni b’messaġġi kontra l-pulizija u slogans biex ‘il-pulizija joħorġu min-neighbourhoods’.

Dan waqt li grupp ta’ dimostranti partikulari li kienu lebsin il-maskri waddbu l-ġebel u l-bombi tal-petrol lejn il-pulizija kif ukoll lejn bini ta’ għassa. Il-pulizija, imbagħad, sparaw il-kanuni tal-ilma u l-gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti f’tentattiv biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Talanqas għaxar persuni spiċċaw arrestati b’konnessjoni ma’ din il-vjolenza.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, ikkundanna l-inċidenti u wissa li ‘dawn iridu jkunu l-aħħar xeni ta’vjolenza li huma (il-Griegi) jaraw fil-kapitali tagħhom’.