Internazzjonali

Il-Greċja tħejji biex tilqa’ l-ewwel turisti f’Mejju

Il-Greċja qed tħejji ruħha biex terġa tibda tilqa’ turisti mir-Renju Unit ġa sa minn Mejju li ġej.

Dan se tkun qed tagħmlu skont kif tiżvolġi s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19.

Ingliżi li jixtiequ jsiefru hekk kif jintemm il-lockdown jistgħu jibdew jaħsbu biex jibbukkjaw safra lejn il-Greċja li qed tlesti biex tibda tilqagħhom sa mill-14 ta’ Mejju.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson iddikkjara li ċittadini tar-Renju Unit se jkunu jistgħu jibdew isiefru lejn pajjiżi oħra mis-17 ta’ Mejju, meta jibdew jonqsu r-restrizzjonijiet.

Il-Ministru tat-Turiżmu Grieg Haris Theoharis qal li turisti li jidħlu f’pajjiżu jridu jippreżentaw evidenza tat-tilqima tal-virus kif ukoll test reċenti li juri li l-persuna hija negattiva għall-Covid. Huwa qal li pajjiżu issa ħiereġ minn żmien iebes ħafna grazzi għall-isforzi li saru minn nies u għall progress tax-xjenza.