Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

“Il-Gvern għandu jieħu kwalunkwe miżura biex ipoġġi lill-pajjiż f’sitwazzjoni aħjar” – MEA

Il-Malta Employers Association (MEA) iddikjarat li d-deċiżjoni li jiġi estiż il-wage supplement sa tmiem l-2021 hija pass fid-direzzjoni t-tajba. “Din hija mossa realistika meta huwa evidenti li l-irkupru mill-pandemija se jkun aktar bilmod milli kien antiċipat ftit xhur ilu.”

L-MEA tinnota b’mod pożittiv li l-Gvern huwa konxju li l-introduzzjoni mgħaġġla tal-vaċċin hija meħtieġa biex tinkiseb il-herd immunity fl-iqsar żmien possibbli.

Madankollu, l-Assoċjazzjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha li din hija biss parti mill-isforz ġenerali meħtieġ biex jiġi żgurat irkupru mgħaġġel. “Is-sitwazzjoni attwali, b’ċifri li ripetutament laħqu livelli rekord matul l-aħħar ġimgħatejn hija allarmanti u titlob għal miżuri ta’ mitigazzjoni biex tnaqqas in-numru ta’ każijiet irrappurtati kuljum.”

L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li hu meħtieġ pjan ta’ strateġija ċara sabiex in-negozji jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jippjanaw, minflok ma jiffaċċjaw restrizzjonijiet f’daqqa, li jistgħu jkunu daqqa kbira għal ħafna negozji. Il-prospett tat-tieni staġun suċċessiv tat-turiżmu niexef jista’ jwaqqaf ħafna kumpaniji b’effetti fit-tul fuq dan is-settur.

L-MEA kompliet tgħid li “l-Gvern għandu jieħu kwalunkwe miżura matul ix-xahrejn li ġejjin biex ipoġġi lill-pajjiż f’sitwazzjoni aħjar biex jaċċetta turiżmu maniġġabbli matul l-istaġun tas-sajf.”

Il-Malta Employers Association qalet li “l-pjan għandu għalhekk jiffoka fuq herd immunity fl-iqsar żmien possibbli, flimkien ma’ miżuri tanġibbli biex inaqqsu n-numri ta’ infezzjonijiet li qed joħorġu kuljum billi n-numri attwali żgur li se jkunu ta’ deterrent qawwi għal kull min iżur Malta fuq btala, u qed jikkawża tfixkil mhux mistenni fil-funzjoni ta’ ħafna negozji f’Malta.