Abbozz ta’ liġi li hemm bħalissa fuq l-aġenda tal-Parlament hu theddida ċara li timmina l-Konstituzzjoni ta’ Malta u d-Drittijiet tal-Bniedem kif imħarsa mill-istess Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Sostnew dan erba’ esperti fil-liġi Kostituzzjonali u Drittijiet tal-Bniedem: il-Professur Kevin Aquilina, l-Avukat Austin Bencini, l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello u l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg.
F’Artiklu fuq il-ġurnal Times of Malta, l-esperti fakkru kif pieni amministrattivi bħal multi maħruġa minn entitajiet u aġenziji pubbliċi, huma meqjusa bħala sanzjoni kriminali.
Fi kliem sempliċi, dan ifisser li persuna tista’ tirrikorri għal proċess quddiem Qrati li jkunu preseduti minn Imħallef jew Maġistrat bid-drittijiet kollha li jkollha persuna akkużata b’reat kriminali bħall-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal smiegħ xieraq u d-dritt li tkun assistita minn avukat fost oħrajn.
Dan il-prinċipju kien imtenni diversi drabi f’sentenzi kemm mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna kif ukoll mill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
Iżda l-esperti qed isostnu li l-Gvern qed jipprova jaqleb dan il-prinċipju ta’ taħt fuq u għax jaf li ma jistax jgħaddi mill-bieb billi jemenda l-Kostituzzjoni, se jipprova jgħaddi mit-tieqa billi jemenda liġi ordinarja fejn m’għandux bżonn l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Fil-fatt, quddiem il-Parlament bħalissa hemm Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni.
Emenda partikolari li ressaq il-Gvern qed tipprova tnaqqar minn dan id-dritt billi tipprovdi li f’ċertu kundizzjonijiet, bħal meta l-piena amministrattiva m’hix dik ta’ priġunerija,din m’għandhiex titqies bħala sanzjoni kriminali.
L-Avukati Aquilina, Bencini, Bonello u Borg isostnu li dan ifisser li multi li jistgħu jitilgħu għal għexerien ta’ eluf ta’ ewro, jistgħu jiġu imposti minn uffiċjal ta’ entita’ pubblika, inkluż persons of trust maħtur mill-Gvern tal-ġurnata mingħajr is-salvagwardji tad-drittijiet li jkollu akkużat quddiem Qorti.
Huma qed iwissu li din il-mossa se timmina serjament il-Kostituzzjoni, l-awtorita’ tal-Qorti Kostituzzjonali għaliex se jkollna sitwazzjoni fejn Gvern, b’maġġoranza sempliċi, ibiddel it-tifsira tal-Kostituzzjoni kif jaqbillu taħt kull aspett.
“Dan l-abbozz hu periklu ċar għad-demokrazija, is-separazzjoni tal-poteri u s-saltna tad-dritt. Id-drittijiet tal-bniedem jispiċċaw mfissra skont l-aptit tal-Gvern tal-ġurnata u mhux skont l-liġi suprema ta’ pajjiżna”, sostnew l-esperti.
Il-Professur Aquilina, l-Avukat Bencini, l-Imħallef Emeritus Bonello u l-eks Kummissarju Ewropew Borg wissew li jekk jgħaddi dan l-abbozz kif propost, dan se joħloq inkwiet serju kemm mal-Kummissjoni Venezja kif ukoll mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif riċentement, il-Kummissjoni Ewropea talbet rendikont mill-Gvernijiet tal-Polonja u l-Ungerija għal affarijiet ferm inqas serji minn dawk li qed jittanta jagħmel il-Gvern Malti.
“Din mhux issue politika” tennew l-esperti “iżda materja serja ħafna li tolqot id-Drittijiet tal-Bniedem, it-tħaddim tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.”
//= $special ?>