Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-ħames ITU infetaħ 24 siegħa ilu u diġà kważi mimli” – MAPHM

"Il-ġimgħa li għaddiet għidna 'ż-żmien itina parir'. Iż-żmien wasal"

Taqsima ġdida tal-Kura Intensiva li nfetħet 24 siegħa ilu diġa kważi mtliet. Din kienet l-aħħar taqsima disponibbli f’pajjiżna u mhemmx aktar spazju fejn jistgħu jiddaħħlu aktar pazjenti li qegħdin kull ma jmur ikun ta’ etajiet iżgħar.

Dan qed issostnieh l-Assoċjazzjoni tat-Tobba fis-Saħħa Pubblika l-MAPHM.

L-Assoċjazzjoni qalet li tinsab inkwetata ferm bir-rata għolja ta’ infezzjonijiet ġodda u bin-numru ta’ persuni li kellhom jiddaħħlu l-isptar u fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-aħħar 24 siegħa.

L-MAPHM qalet li l-messaġġ huwa wieħed ċar, li jeħtieġ naġixxu issa, hekk kif it-trażmissjoni fil-komunità qed tkompli tilħaq rekords ġodda. Hija sostniet li pajjiżna issa jinsab fil-ħames post għall-ogħla numru ta’ infezzjonijiet fid-dinja.

It-tobba sostnew li l-ġimgħa li għaddiet kienu qalu li ‘ż-żmien itina parir’. Issa, iż-żmien wasal.

Għadu kmieni wisq biex inserrħu rasna bil-vaċċin biex jipproteġina. In-numru ta’ persuni żgħar fl-età li jinsabu morda serjament fl-isptarijiet tagħna huwa xhieda ta’ dan, komplew jgħidu t-tobba. Jeħtieġ li nipproteġu ruħna permezz ta’ miżuri li jaħdmu bil-provi għal ftit żmien qabel ma nkunu nistgħu nistrieħu fuq il-vaċċin, kompliet tgħid l-assoċjazzjoni.

Sadanittant, l-MAPHM appellat għas sens komun u għar-responsabbiltà minn kulħadd, u sabiex kulħadd jipproteġi ruħu billi ma jitħallatx ma’ persuni minn households oħra, ikunu evitati l-folol u attivitajiet li mhumiex essenzjali ma jsirux. Fakkret fl-importanza tal-ilbies tal-maskra kif suppust, u fl-użu tal-alkoħol mal-idejn, u tenniet l-appell biex min iħossu ma jiflaħx jibqa’ d-dar u jagħmel swab.