Proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech biex il-parlament jiddiskuti b’żmod immedjat fis-seduta tal-lum il-problema tal-COVID-19 fil-pajjiż ma sabitx l-approvazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Gvern li irrifjutaha iżda fuq ruling tal-Ispeaker id-dibattitu se jsir għada filgħodu.
Fil-parlament Bernard Gerch talab biex il-parlament jaġġorna biex jiddiskuti l-pandemija COVID -19; kwistjoni ta’ natura uġenti u allarmanti kif żviluppat fl-aħħar siegħat.
Hu qal li l-poplu kollu jaf li l-pajjiż irreġistra rekord ta’ 510 persuna pożittiva għall-COVID u hawn 3,100 infettati bil-COVID-19. Is-sitwazzjoni hi gravi tant li nfetħet il-ħames ITU; sitwazzjoni ta’ emerġenza li trid tkun indirizzata b’mod immedjat mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan fl-interess nazzjonali u tat-trasparenza għax ma jistax ikun li l-poplu jitkellem fuq dan is-suġġett iżda l-parlament ma jiddedikax ħin biex jiddiskuti din il-materja urġenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb li l-Gvern ilu ġurnata jiddiskuti mal-awtoritajiet tas-saħħa biex iktar tard ikun trasprenti u jħabbar miżuri oħra biex jipproteġi s-saħħa tal-poplu. Fl-istess waqt, il-Gvern kellu biss min jipprova jippolitiċizza l-problema, sostna l-Prim Ministru, li qal li għandu dubju jekk hawnx min qed jieħu gost bis-sitwazzjoni.
Hu sostna li l-Gvern kien dejjem hemm għall-poplu Malti; l-Oppożizzjoni ma ħabbret l-ebda miżura ta’ soluzzjoni. Il-poplu Malti hu mħasseb bħall-Ewropa, sostna l-Prim Ministru, li kompla li f’inqas minn sagħtejn oħra l-Gvern se jniedi numru ta’ miżuri u għalhekk m’hemmx lok ta’ dibattitu parlamentari. Il-Prim Ministru qal li t-tilqim qed jingħata b’5,000 doża kuljum; liema rata se tkompli tiżdied. Is-soluzzjoni għall-pandemija hu l-vaċċin.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-Prim Ministru jrid jgħid jekk iridx iċaħħad l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fuq l-iktar kwistjoni serja li qed teffettwa lill-poplu Malti.
Il-Prim Ministru wieġeb li l-Gvern hu iffukat kif se jipproteġi s-saħħa tal-Maltin waqt li l-PN irid jiskorja l-punti politiċi. Il-prijorità tal-lum hi li jitħabbru l-miżuri u għada filgħodu lest jagħmel dibattitu.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed juri kemm hu tassew importanti li ssir id-diskussjoni għax din hi materja nazzjonali.
Il-Prim Ministru wieġeb li aktar tard kien se jħabbar id-deċiżjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li kulħadd hu inkwetat bis-sitwazzjoni u mhux ġust li jingħad li l-PN ma ressaqx proposti għaliex fil-fatt il-PN ressaq diversi proposti.
Wara madwar siegħa, l-Ispeaker ta r-ruling u qal li s-Sedja tifhem il-preokupazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li l-kwistjoni hi definita u ta’ importanza pubbika. Hu qal li s-Sedja tifhem ukoll li hemm l-element tal-urġenza u kkunsidrat li l-Prim Mnistru kien se jħabbar miżuri oħra aktar atrd illum. L-Ispeaker qal li għada l-Ħamis għandha issir seduta fil-għodu biex fiha jkunu diskussi l-miżuri li se jħabbar il-Gvern.
//= $special ?>