Internazzjonali

Il-Palazz ta’ Buckingham qed jitratta ‘b’serjetà’ l-allegat razziżmu fil-konfront ta’ Meghan

L-allegazzjonijiet dwar ir-razziżmu li ħarġu bihom il-Prinċep Harry u martu Meghan waqt l-intervista kontroversjali ta’ tmiem il-ġimgħa fl-Istati Uniti qanqlu reazzjoni soda – anki jekk xi ftit tard — mingħand il-Familja Rjali Britannika.

Dan waqt li kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham sostnew li ‘jinsabu mħassbin’ dwar l-issues li qajjmu Harry u Meghan waqt l-intervista lill-preżentatriċi taċ-chat shows, Oprah Winfrey. L-istess kelliema, intant, enfasizzaw li ‘l-allegazzjonijiet tal-koppja qegħdin jittieħdu b’serjetà kbira’.

Il-Palazz, permezz ta’ stqarrija, qal li ‘in-nies jistgħu jvarjaw fil-mod kif huma jiftakru d-dettalji’ — bl-istqarrija tagħmilha ċara wkoll  li ‘il-kwistjoni se tkun indirizzata b’mod xieraq u fil-privat.’

Il-Familja Rjali, permezz tal-istess stqarrija, ‘esprimiet dispjaċir dwar kemm kienu diffiċli l-aħħar snin għal Harry u Meghan ( bħala membri attivi tal-familja)’. Dan meta l-Irjali riedu li l-poplu Britanniku jingħata l-opportunità biex ‘jara u jevalwa l-intervista’ qabel joħorġu fil-pubbliku bir-reazzjoni tagħhom.

Ingħad ukoll li Harry u Meghan – id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex – ‘dejjem se jibqgħu membri maħbubin tal-familja.’

Forsi l-aktar kumment xokkanti ta’ Meghan waqt l-intervista kien jinvolvi ‘it-tifkira’ ta’ meta membru tal-Familja Rjali ( li ma ssemmiex) staqsiha dwar ‘kemm seta jkollu karnaġġjon skur’ it-tifel tagħha (il-Prinċep Archie) li kien għadu fil-ġuf ta’ ommu.

Intant, Harry, waqt l-intervista, kien għamilha ċara lil Oprah Winfrey, li dan il-kumment ma kienx ġej min-naħa tar-Reġina Eliżabetta jew mingħand żewġa l-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh.

Ir-reazzjoni ta’ Buckingham Palace ingħatat wara sensiela ta’ laqgħat urġenti li kienu jinvolvu l-membri ewlenin tal-Familja Rjali. Dan meta l-monarkija fir-Renju Unit qed tiffaċċja aktar riperkussjonijiet ta’ kriżi kważi bla preċedent għal din l-istituzzjoni.

L-uffiċjali tal-Palazz, fl-aħħar jiem, spiċċaw taħt pressjoni kbira biex iwieġbu dwar l-intervista ta’ Oprah mal-koppja Sussex u li ngħatat pubbliċità enormi madwar id-dinja – bl-aktar aspett delikat jinvolvi ‘it-trattament ta’ Meghan mill-Irjali’.

L-attriċi Amerikana hi l-ewwel wild ta’ żwieġ imħallat ( it-tifla ta’ missier abjad u omm sewda) li żżewġet membru ta’ din il-Familja Rjali.

Fi żvilupp ieħor, l-istatistika provduta min-network televiżiv CBS ( tal-Istati Uniti) qed tindika li kważi 50 miljun persuna segwew ix-xandira (ta’ nhar il-Ħadd) tal-intervista ta’ Oprah mal-koppja Sussex.