Internazzjonali

Il-Papa jikkundanna l-bejgħ tal-armi ‘lit-terroristi’

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, ma żammx lura milli jikkundanna, bl-aktar termini assoluti, lill-produtturi u traffikanti tal-armi talli huma qegħdin ibiegħu dawn l-armamenti ‘lit-terroristi’.

Il-kummenti partikulari tal-Papa jirriflettu l-impressjonijiet tiegħu wara l-vjaġġ storiku ta’ tlett ijiem fl-Iraq — bil-Kap tal-Kattoliċi jinsisti li ‘il-poplu Iraqi għandu d-dritt li jgħix fil-paċi u d-dinjità li jixraqlu’.

Il-Papa tenna li jħossu grat li seta’ jagħmel żjara bħal din f’pajjiż li qatt qabel ma kien laqa’ lill-kapijiet tal-knisja ta’ qablu. Hu, fl-istess ħin, irrefera għaż-żjara (li konkludiet nhar it-Tnejn) bħala ‘sinjal ta’ tama għall-Iraq wara snin ta’ gwerer u terroriżmu (f’dak il-pajjiż)’.

Matul iż-żjara, il-Papa ra l-fdalijiet u t-tifrik tad-djar u l-knejjes fil-belt ta’ Mosul li kienet okkupata mit-terroristi tal-ISIS bejn l-2014 u l-2017.

L-Iraq qed ibati minn tmexxija ħażina fuq livell kroniku minbarra li qed jiffaċċja l-korruzzjoni istituzzjonalizzata u vjolenza kontinwa.

Sadanittant, il-Papa qal li ‘jixtieq li xi ħadd iwieġeb il-mistoqsija tiegħu dwar min seta’ biegħ l-armi lit-terroristi u min qed ibigħ l-armi bħalissa lit-terroristi li qegħdin iwettqu l-massakri fi bnadi oħra ( ‘il hinn mill-Iraq) inkluża l-Afrika.’