Lokali

Il-UPE tirreġistra tilwima industrijali kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-UPE ma teskludix li tieħu azzjoni addizzjonali jekk il-Gvern ma jiħux azzjoni immedjata

Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) – Voice of the Workers kienet qed issegwi ż-żieda fil-każijiet ta’ COVID-19 mal-pajjiż kollu u ż-żieda fin-numri fost l-istudenti.

Il-UPE qalet li n-numri rreġistrati llum ħolqu allarm, u fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ ħaddiema li qed jissostitwixxu l-edukaturi li ma jifilħux jew li jinsabu fi kwarantina, l-iskejjel mhumiex f’pożizzjoni li joperaw kif meħtieġ, u l-istudenti tagħna jixirqilhom ħafna aħjar.

Għal dawn ir-raġunijiet il-union qed titlob li tittieħed azzjoni immedjata mill-Gvern biex jissalvagwardja l-popolazzjoni u biex il-benesseri taċ-ċittadin jkunu fuq quddiem ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda.

Fi stqarrija il-UPE ħabbret li rreġistrat tilwima industrijali biex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-membri tagħha.

L-għaqda tenniet li d-direttivi kollha maħruġa sal-lum b’rabta mas-sitwazzjoni tal-COVID-19 fl-iskejjel huma attivi u jeħtieġ li jiġu nfurzati mill-membri tagħahom.

Il-UPE qed toħroġ ukoll direttivi oħra bil-għan li tnaqqas il-possibbiltà ta’ kuntatt addizzjonali bla bżonn tal-membri tagħha ma’ oħrajn fis-settur edukattiv.