Coronavirus Lokali Saħħa

Imħabbra l-miżuri ta’ sena ilu – l-iskejjel magħluqa

Robert Abela ma jsejjaħx Emerġenza Nazzjonali ta’ Saħħa Pubblika

Il-Prim Minsitru Robert Abela mhux lest li jagħmel apoloġija mal-poplu Malti u Għawdxi wara li tul din l-aħħar sena kemm-il darba webbel lin-nies bl-idea li pajjiżna jinsab fuq l-ghatba tan-normalità. Agħar minn hekk …lura f’Mejju, kien saħaq li l-Covid-19 kien warajna.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Robert Abela naqas milli jerfa’ r-responsabbilità politika jew saħansitra jaghmel apoloġija ghad-diskors irrisponsabbli tieghu.

Fid-dawl taż-żieda qawwija ta’ każi ġodda ta’ Covid-19, l-Erbgha filghaxija il-Prim Ministru Robert Abela qal illi ma jħossx li għandu jsejjaħ Emerġenza Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika.

Minflok, tul konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Professur Charmaine Gauci u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, Robert Abela dawwar il-kanuni fuq in-nies.

Dan kollu sehh wara li l-Gżejjer Maltin, partikolarment l-isptarijiet tal-pajjiż, spiċċaw għarkopptejhom b’mewġa ta’ każi tal-varjant Brittaniku li qed jgħodd aktar minn 60% tal-każi ġodda rreġistrati fl-aħħar jiem. 

Minkejja t-twissijiet kollha tal-esperti mediċi fejn fl-aħħar xhur appellaw għall-attenzjoni tal-Gvern ta’ Robert Abela biex jilqa’ għal din il-firxa mir-Renju Unit, għal darb’oħra Abela sostna li huwa jinsab kburi.

Il-verita hi…li issa Abela, min-normalità li wiegħed li se tibda f’Marzu, reġġa’ l-arloġġ lura għal bħal lum sena. Bi Chris Fearne jerġa’ jappella li kemm jista’ jkun il-poplu jrid jaqta’ il-kuntatt soċjali.

Il-miżuri identiċi ghal dawk ta’ sena ilu ser jibqgħu fis-seħħ sal-11 ta’ April, bl-iskejjel li minn nhar it-Tnejn, flimkien mal-bqija tal-istituzzjonijiet edukattivi oħra ser ikunu qed jingħalqu – inkluż Childcare.

Dan filwaqt li ġie mħabbar li ser ikunu qed jingħalqu l-ħwienet li jiprovdu servizzi mhux essenzjali fosthom, ħwienet tal-ħwejjeġ, ġojjellerija, fwieħa, tal-ħjata, souvenier shops, tal-għamara, tal-fajjenza kif ukoll hairdressers, barbiera, tattoo parlours u studios ta’ sbuħija.

Mill-Ħamis 11 ta’ Marzu ser tieqaf għal xahar kull attività sportiva. Kif ukoll it-tiġijiet u l-attivitajiet reliġjużi…. għajr għal quddiesa tal-funeral u ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ mingħajr quddiesa.

Dan filwaqt li l-ivjaġġar lejn Għawdex ser ikun limitat biss għal moviment essenzjali u għal min għandu proprjetà ….filwaqt li l-limitu ta’ gruppi ta’ ġemgħa nies ser ikun qed jinżel minn 6 għal 4.

Ser ikunu qed jingħalqu l-gyms u l-pools flimkien mas-swali taċ-ċinema, teatri u mużewijiet. Fost il-miżuri mħabbra hemm ukoll li ser jingħalqu r-ristoranti u l-faċilitajiet anċillari tal-lukandi li se jkunu jistgħu jibdew joffru biss ikel u xorb permezz tar-room service jew deliveries;

Intant ġie mħabbar ukoll li minn nhar is-Sibt ser ikunu qed jitwaqqfu l-operazzjonijiet fl-isptarijiet lokali li m’humiex urġenti bil-għan li l-istaff mediku jagħtu s-servizz tagħhom lill-pazjenti infetti bil-Covid-19.

Il-Prim Ministru insista li l-miżuri iddaħħlu skont il-ħtieġa u skont ir-riżultati li kienu qed iħallu…ammissjoni li l-Gvern ta’ Robert Abela tul din is-sena falla milli jindirizza b’konvinzjoni din il-pandemija .