Lokali Parlament

Jeħtieġ jissejjaħ stat ta’ emerġenza; id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu mill-esperti

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia appella biex jissejjaħ stat ta’ emerġenza fejn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu mill-esperti.

Fl-Aġġornament tal-parlament Adrian Delia qal li quddiem il-problema tal-pandemija COVID, l-Oppożizzjoni talbet għal dibattitu parlamentari iżda l-Prim Ministru informa lill-parlament li l-COVID-19 hi ta’ natura nazzjonali, hu kien se jħabbar iktar miżuri u d-dibattitu fil-paraent isir wara. Hu qal li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi li fil-kriżijiet bla preċedent fejn kien hemm ħtieġa ta’ tmexxija mas-settur tas-saħħa kien hemm dgħufija u nuqqas ta’ direzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN kien kritiku għal diversi miżuri fis-settur tas-saħħa u kompla li l-PN kien ippropona li l-Gvern jirrikonoxxi lill-awtoritajiet u jimxi skont dawk id-deċiżjonijiet tal-esperti.

Il-PN qed jinsisti għal emerġenza nazzjonali iżda l-Prim Ministru qed jirrifjuta li jifhem; l-awtoritajiet issa għandhom jintervjenu huma skont il-liġi biex b’hekk ir-responsabbiltà fis-settur tas-saħħa pubblika jitieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Sena ilu, meta ċ-ċifru kienu inqas minn kwart, il-PN kien għamel pressjoni u s-Supretendent tas-Saħħa kienet iddikjarat emerġenza tas-saħħa. Ir-repsonsabbiltà għalhekk kienet tagħha, sostna Adrian Delia, li kompla li s-Supretendent tas-Saħħa m’għandhiex għalxiex tibża’ li titlef il-voti u għalhekk tista’ tieħu d-deċiżjonijiet bla pressjoni politika.

Adrian Delia qal li hu assurd li l-Prim Ministru jallega li l-Oppożizzjoni tieħu pjaċir bis-sitwazzjoni preżenti u sostna li l-aħħar ħaġa li jrid il-poplu hu li jkun hemm qasma bejn il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru.

Jeħtieġ li jkun hawn għaqda nazzjonali quddiem din l-isfida, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jrid ikun il-poplu kollu li flimkien jgħaraf is-sitwazzjoni bla preċedent.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern qed jieħdu d-deċiżjonijiet imbagħad jagħmel id-dibattitu fil-parlament wara. Il-Gvern hu obbligat li jagħti direzzjoni għax-xhur li ġejjin u mhux jimplimenta biss miżuri għal perjodi qosra. Dan filwaqt li l-Gvern qed jagħmel dikjarazzjonijiet li qed jingannaw lin-nies jżid l-inċertezzi fost il-popolazzjoni.

Hu appella biex tkun dikjarat emerġenza nazzjonali u biex il-Gvern ma jibqax jikkustinja internament quddiem din l-emerġenza nazzjonali.