Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

“L-iskejjel kienu għarkopptejhom” – Marco Bonnici, MUT

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-iskejjel ma setgħux jibqgħu miftuħin.

“Aħna ġejna f’sitwazzjoni li evolviet f’qasir żmien fejn l-iskejjel kienu għarkopptejhom. Ma jistgħux isibu mezz ta’ kif jaħdmu. U din kienet inkwetanti”.

Hu qal li s-sitwazzjoni fl-iskejjel kienet waħda mwegħra u li l-Union ma kellhomx għażla għajr li jinsistu li l-iskejjel jagħlqu. Kien għalhekk li talbet lill-Gverm jagħlaq l-iskejjel b’mod immedjat.

Bonnici qal li sena wara li ingħalqu l-iskejjel għall-ewwel darba, kelna nerġgħu insibu ruħna fl-istess sitwazzjoni u b’aktar restrizzjonijiet.

Hu qal li t-tfal u ż-żgħażagħ kienu qed ibatu ħafna bis-sitwazzjoni kif kienet.

Il-Union tal-Għalliema kienet ilha twissi lill-Gvern li l-ftuħ tal-iskejjel kien se jkompli jżid fil-każi tal-virus u f’Jannar li għadda kienet talbet lill-Gvern biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel. Madankollu l-Gvern ma laqax din it-talba u l-iskejjel kellhom jiftħu bil-patt li l-għalliema jitlaqqmu mill-aktar fis.

Sa issa mhux magħruf kemm għalliema tlaqqmu u sa meta mistenni jitlesta l-proċess tat-tilqim tal-għalliema, minkejja li issa fadal biss tliet xhur qabel il-vaganzi tas-sajf.