Illejla se ssir laqgħa tal-MUT mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana. Dan filwaqt li ser jitlaqqa’ il-Kunsill tal-MUT. Dan huwa proċess li għandu jwassal għal deċiżjonijiet fil-qasam edukattiv saħaq Marco Bonnici f’isem il-union.
Il-Union tal-Għalliema l-MUT, f’konferenza tal-aħbarijiet stqarret li “l-Gvern huwa fid-dmir li jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji.” Il-Union qed tappella għal bilanċ bejn is-saħħa u l-edukazzjoni. Appellaw lill-Gvern biex ikun iktar ċar fit-triq ‘il quddiem għall-qasam edukattiv ta’ pajjiżna fid-dawl tal-każi tal-COVID-19 dejjem aktar jiżdiedu.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici spjega kif fl-aħħar ġimagħtejn, fl-iskejjel żdiedu ħafna l-każi ta’ COVID-19 bir-riżultat li r-riskji fuq l-għalliema u l-istudenti żdied. Din iż-żieda hija dovuta għall-varjanti tal-Coronavirus.
Din iż-żieda qed toħloq ukoll problemi oħrajn meta numru ta’ għalliema qed ikunu fi kwarantina u għalhekk sa anke qed tkun problema biex ikun hemm superviżżjoni adegwata fuq l-istudenti.
“Aħna m’aħna lesti nieħdu ebda riskju fuq ħadd u nemmnu li l-Gvern għandu jagħmel l-istess ħaġa, m’għandux jirriskja s-saħħa u s-sigurtà ta’ ħadd”, qal Marco Bonnici.
L-MUT qed tistaqsi kif hawn skola li qed tkompli bil-lezzjonijiet online wara deċiżoni tal-Ministru Justyne Caruana, u skejjel oħrajn qed ikomplu b’mod normali. Huma staqsew ukoll kif il-Gvern ħareġ direttivi ta’ ‘teleworking’ għal diversi persuni li jaħdmu f’uffiċċju filwaqt li klassijiet u skejjel mimlijin studenti u għalliema baqgħu kollox l-istess.
L-MUT għad m’għandiex statistika dwar kemm ingħata tilqim lill-edukaturi. Madanakollu jidher li n-numri huma tajbin.
Il-Union tal-Għalliema saħqu li jixiequ li l-Gvern juri rispett lejn il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa f’dan il-mument li ma nistgħux nibqgħu ninħbew minnu.
//= $special ?>