Futbol Sport

Liverpool jieħdu xi ftit tan-nifs fil-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Liverpool kwalifikaw għall-kwartifinali tal-UEFA Champions League fejn għelbu lil RB Leipzig 2-0. Fl-ewwel leg, Liverpool ukoll kienu rebħu l-konfront bl-iskor identiku ta’ 2-0, biex b’hekk kwalifikaw b’aggregate ta’ 4-0.

Bil-partita tintlagħab fil-Puskas Arena fl-Ungerija minħabba r-restrizzjonijiet fiż-żewġ pajjiżi b’rabta mal-coronaivrus, din il-kwalifikazzjoni tagħti xi ftit serħan lil Liverpool hekk fl-aħħar ġimgħat kienu għaddejijn minn kriżi ta’ riżultati fil-Premier League. Leipzig minn naħa tagħhom kienu ġejjin għal dan il-konfront minn sitt rebħiet konsekuttivi fil-Bundesliga. Leipzig ħarġu fuq l-offensiva u setgħu fetħu l-iskor wara 11-il minuta meta wara nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Liverpool, Daniel Olmo kien mċaħħad minn gowl ċert minn Alisson. Liverpool irreaġixxew għal dan u kien fil-41 minuta li kellhom opportunità simili fejn din id-darba Diogo Jota kien mċaħħad mill-eks gowlkiper ta’ Liverpool Peter Gulacsi. Fit-tieni taqsima, Gulacsi reġa kien strumentali biex ċaħħad lil Liverpool meta salva fuq tentattiv ieħor ta’ Jota. Fil-71 minuta, Liverpool fetħu l-iskor meta minn kontrattakk veloċi, kien MOHAMED SALAH li kkonkluda għal 1-0. It-tim ta’ Jurgen Klopp irdoppja tliet minuti wara meta minn cross ta’ Divock Origi, kien SADIO MANE li għamilhom 2-0, b’liema riżultat ntemmet il-partita.