Lokali Saħħa

“ll-korruzzjoni tweġġa’ b’mod gravi lil kulħadd, partikolarment lid-dgħajjef” – Repubblika

“L-istorja mxandra mit-Times dalgħodu turi kif issa x-xibka ta’ korruzzjoni minsuġa mill-brimba li ħakmet lil pajjiżna tista’ qed twassal għall-fabbrika tal-kanċer saħansitra ġewwa l-Isptar Mater Dei.”

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika qalet li tinsab diżgustata u rrabjata bl-istorja li l-Gvern korrott ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi biegħu lil Vitals magna li tintuża fil-kura tal-kanċer u li issa qiegħda magħluqa fil-kaxex waqt li pazjenti Maltin qed ikollhom l-appuntamenti tagħhom posposti.

Repubblika tgħid li quddiem dan l-iskandlu, Robert Abela għandu l-obbligu li jieħu lura immedjatament din il-magna li sħabu l-korrotti biegħu, biex il-pazjenti Maltin ikunu jistgħu jieħdu l-kura bla dewmien. Apparti dan Abela għandu jagħti spjegazzjoni sħiħa tal-kuntratt maħmuġ tal-bejgħ tal-isptarjiet li, skont ix-xhieda ġuramentata tal-Ministru Chris Feane, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ddiskuta minn wara dahar il-Ministeru tas-Saħħa. Quddiem dan kollu, Abela għandu jħassar dan il-kuntratt maħmuġ u korrott.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Prim Ministru huwa obbligat li ma jħallix lill-poplu Malti jkompli jħallas għall-korruzzjoni, issa billi jpoġġi saħħtu u ħajtu fil-periklu.