Id-deputati tal-Gvern jinterrompu bil-kbir laqgħa mqanqla tal-PAC għax oġġezzjonaw għal mistoqsijiet diretti dwar il-power station
L-uffiċjal tal-Enemalta li mexxa l-proġett tal-power station tal-Electrogas David Galea ingħata numru ieħor ta’ konsulenzi oħra mill-Ministru Konrad Mizzi, li qabbdu wkoll jagħmel rapport lill-PL qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Id-deputati Laburista fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llum interrompew bil-qawwi laqgħa mqanqla tal-istess kumitat u oġġezzjonaw bil-qawwi għal mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni lix-xhud David Galea, li hu l-persuna li l-Gvern Laburista kien qabbdu jmexxi l-proġett tal-Electrogas.
Il-PAC hu mmexxi mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ryan Callus. Għall-Gvern ipaprteċipaw il-Whip Laburista Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamnetari Alex Muscat u d-deputat Laburista Ian Castaldi Paris.

Id-direttur tal-proġett tal-power station David Galea qal li ma jafx min, fil-11 ta’ Ġunju 2013, skont il-minuti tal-Enemalta xi ħadd ta struzzjoni lill-Bord tal-Istrateġija tal-Enemlat dwar il-power station li l-Enemalta ma jkollhiex dritt tixtri. Ix-xhud qal li dawn il-laqgħat kienu jsiru f’Kastilja għaliex il-Ministeru tal-Enerġija kien f’Kastilja; għalihom kien jattendi Konrad Mizzi.
Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, hu qal li ma jistax iwieġeb kemm hu l-minimu li l-Enemalta trid tixtri mill-konsenji tal-enerġija. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li jekk ix-xhud ma jweġibx il-mistoqsijiet dwar infieq minn flus il-poplu, allura jkollhom jittieħdu passi oħra.
Ix-xhud qal li għandu obbligu ta’ kunfidenzjalità li tirriżulta mill-letter of enganment tiegħu mal-Enemalta. Id-deputati Laburisti sostnew li dawn il-mistoqsijiet iridu jkunu magħmulha lill-uffiċjali tal-Enemalta.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Enemalta qed tirrifjuta li tagħti informazzjoni lill-PAC. Karol Aquilina qal li l-Enemalta qed tqarraq fit-tweġiba tagħha waqt li Ryan Callus qal li parlament għandu dritt ikun jaf fejn marru l-miljuni.

Ix-xhud qal li jrid jagħmel talba lill-Ispeaker jew lill-Kumitat innifsu iżda d-deputati Nazzjonalisti spjegawlu li x-xhud ma jistax jagħmel dawn it-talbiet. “Ix-xhud jibża’ mll-verità” irrimarka d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li sostna li x-xhud jaf it-tweġibiet imma ma jridx jgħaddi l-informazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina insista li x-xhud iwieġeb il-mistoqsija dwar l-ammont li l-Gvern hu obbligat li jixtri mill-power station tal-Electrogas. Ix-xhud baqa’ jsostni li ma jweġibx minħabba s-sigriet professjonali għax hu accountant u minħabba r-relazzjoni kunfidenzjali għalkemm hu jafha l-informazzjoni. Id-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami ressaq din it-talba għall-vot fejn id-deputati Laburisti ivvutaw kontra.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dan il-kuntratt hu stmat bejn €4 u €5 biljun u għalhekk il-poplu għandu ditt ikun jaf il-verità kollha.

Mistoqsi kemm tħallas mill-Enemalta ix-xhud qal li ma jafx kemm tħallas iżda meta kien ippressat wieġeb li tħallas bejn €150,000 u €200,000 fuq perjodu ta’ bejn tlieta u erba’ snin. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rrimarka li d-deputati Laburista qed jibqgħu jiddefendu l-korruzzjoni. Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li x-xhud qed juri diżrispett lejn il-PAC u qed iqarraq.
Ix-xhud ikkonferma li kien għamel xogħol ieħor għall-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u sostna li ma jafx kemm kien qala’ flus minn dan il-ministeru fl-aħħar tmien snin ta’ Gern Laburista.
Il-konsulenza tiegħu mal-Gvern Laburista minbarra fl-Electrogas kienet fuq l-Arms, fuq il-Vitals fejn kien involut fid-diskussjonijiet u n-negozjati, fl-iżvilupp tal-faċilitajiet il-ġodda tal-ITS lejn Smart City u fl-Air Malta. Hu qal li kien avviċinat personalment meta kien jaħdem waħdu u fl-2015 waqqaf il-kumpanija Beat Ltd.
Id-deputati Laburisti oġġezzjonaw għal dawn id-domandi u qalu li se jitolbu ruling ieħor mill-Ispeaker. Glenn Bedingfield qal li kien se jwaqqaf il-laqgħa tal-kumitat u jitlob ir-ruling b’mod immedjat għaliex dawn m’humiex aċċettabbli għax ma tistax issir eżami tal-persuni.
Ix-xhud qal li f’kull laqgħa tal-PAC qed ikun mhedded.
Id-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li diġà jeżistu linji gwida dwar ix-xhieda li jridu jwieġbu ħlief għal mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawhom. Hu qal li t-talba tad-deputati Laburista tillimita l-mistoqsijiet li jistgħu jsiru fil-kumitat.
Wara ħafna kummenti bejn id-deputati, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kompla jagħmel il-mistoqsijiet fejn staqsa dwar il-kompetenza tax-xhud fid-diversi proġetti li kien involut fihom.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa jekk ix-xhud jikkonfermax li bejn l-2015 u l-2018 ix-xhud qalax madwar €400,000 iżda d-deputati Laburista oġġezzjonaw bil-qawwi għaliha. Ix-xhud intrabat li se jipprovdi lista tax-xogħlijiet li għamlu.
Muri dokument li kien għadda lill-Enemalta mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ix-xhud qal li hu kien ippreżenta lill-PAC dokument ieħor iżda mhux dak li għadda lill-Enemalta. Ix-xhud qal li qatt ma kellu relazzjonijiet diretti mal-ex ministru Konrad Mizzi u qatt m’għamel xogħol għalih.
Il-kumitat kien sospiż għal data oħra.