Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika

Raġel ta’ 43 sena residenti r-Rabat ġie mixli quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace bi vjolenza domestika li ta fastidju lis-sieħba tiegħu fi tliet okkażjonijiet, darba fil-Belt u tliet darbiet f’Bormla.

L-akkużat li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti ġie mixli li wettaq dawn ir-reat fit-23 ta’ Frar li għadda fil-Belt u fil-25 ta’ Frar u l-5 ta’ Marzu f’Bormla wara nofs inhar u filgħaxija.

L-akkużat li qal li ma jaħdimx tressaq mill-Ispettur Eman Hayman ġie mixli wkoll li kiser obbligazzjoni tiegħu taħt penali ta’ somma flus kif imposta fuqu mill-Qorti, li kiser ordni ta’ protezzjoni fejn il-Qorti kienet ipprovdiet għas-sigurtà tas-sieħba tiegħu.

Ġie mixli wkoll li hedded bil-kliem jew inġurja lill-vittma u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li kiser l-ordni u l-paċi pubblika. Għall-akkużat deher l-Avukat Franco Galea li talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni tgħid li hemm dubju li ma joqgħodx għall-kundizzjonijiet imposti fuqu.

Id-difża qalet li r-raġel għamel xi jumejn fl-isptar Monte Carmeli għall-kura. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Carmeli.