Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Skultura biex tonora l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia fil-bini tal-Parlament Ewropew

L-iskultura biex tonora l-memorja tal-ġurnalisti assassinati Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak se tiġi ppreżentata lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, u se ssib postha fil-bini tal-Parlament Ewropew. L-istallazzjoni artistika tinkludi pilastru li fih il-kliem ‘verità’ u ‘immortali’.

L-iskultura ġiet aċċettata mill-Kumitat Artistiku tal-Parlament Ewropew u l-Kulleġġ tal-Kwesturi minħabba li s-simboliżmu tagħha huwa relatat mal-valuri Ewropej; dawk tal-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti. Magħmul mill-azzar, stainless steel u ħadid, ix-xogħol tal-arti huwa għoli 2 metri b’dijametru ta’ 50cm, u jiżen 100kg.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kulleġġ tal-Kwesturi, li minnu jifforma parti l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa.

David Casa

L-iskultura tal-artist Slovakk Martin Mjartan, ġiet żvelata minn David Casa u l-MEP Slovakk u l-President tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali Lucia Ďuriš Nicholsonová, fi Frar tal-2020, fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Ján Kuciak, waqt wirja organizzata fil-Parlament Ewropew fi Brussell, intitolata ‘Verità Immortali’.

Il-ftuħ tal-wirja kienet indirizzata mill-familja Caruana Galizia u Ján Kuciak, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová, u l-ex Viċi President tal-Parlament Ewropew u issa l-Kummissarju Ewropew Mairead McGuinness.

Ján Kuciak

L-MEP David Casa esprima sodisfazzjon dwar din l-aħbar importanti. “Il-Parlament Ewropew jieħu s-suġġett tal-protezzjoni tal-ġurnalisti bis-serjetà ħafna, speċjalment mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak matul dawn l-aħħar snin. Dan jidher permezz ta’ diversi rapporti, riżoluzzjonijiet u inizjattivi meħuda, mhux biss biex jitfakkru l-ġurnalisti maqtula, iżda wkoll biex tipproponi metodi ġodda dwar kif jiġu protetti ġurnalisti investigattivi u jiġi żgurat li x-xogħol tagħhom jiġi segwit minn proċessi ġudizzjarji,” qal l-MEP Malti.

David Casa kien strumentali għal din l-inizjattiva. Hu saħaq li “ftit jiem wara li Daphne ġiet maqtula, il-Parlament Ewropew semma l-Kamra tal-Istampa tiegħu fi Strasburgu wara Daphne Caruana Galizia. Tard is-sena li għaddiet, kellna suċċess fit-tnedija tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu li se jingħata għall-ewwel darba f’Ottubru ta’ din is-sena. Dan huwa eżempju konkret ta’ kemm il-Parlament Ewropew jinsab fuq in-naħa tal-verità u l-ġustizzja. Dan jikkuntrasta mal-mod kif l-awtoritajiet Maltin ikomplu jittrattaw lil Daphne Caruana Galizia, anke wara li ġew assassinati minn individwi allegatament qrib ħafna tal-uffiċċju tal-Prim Ministru. “

Il-MPE Ďuriš Nicholsonová ddikjarat li “irridu nkomplu ninsistu li ssir ġustizzja sħiħa, mhux biss għall-qtil iżda wkoll għall-istejjer li esponew dawn il-ġurnalisti.”

Ďuriš Nicholsonová