Sport Sport Ieħor

Swieqi Phoenix Volleyball jirbħu n-National Cup

Swieqi Phoenix Volleyball rebħu għall-ewwel darba in-National Cup wara li għelbu lil Flyers fil-fina li ntlagħbet fuq żewġ partiti, fejn rebħuhom it-tnejn bi skor identiku ta’ 3-0. Il-klabb iddedika dan l-unur lill-players tal-juniors tiegħu, li bħalissa ma jistgħux jipprattikaw l-isport tagħhom kawża tar-regolamenti marbuta mal-Covid-19, li ġew imħabbra reċentement u sussugwentament twaqqaf ukoll l-isport kompetittiv kollu.

Il-Head Coach Leonard Zammit Munro qal li dan l-unur wasal f’sena diffiċli għal Malta, għall-isport u għat-tim, u b’xi mod ikkumpensat għall-istaġun li għadda, fejn it-tim ma kienx megħlub wara tmien logħbiet iżda ma setax jiġi nkurunat champions. It-tim tas-Superleague ta’ Swieqi Phoenix, kif ukoll dawk tal-U19, U17 u U15 tiegħu, s’issa rebħu kull logħba fil-kampjonati rispettivi tagħhom dan l-istaġun.

Il-President tal-Klabb Orlando Bonnici feraħ lill-players u l-kowċis, u rringrazzja lill-isponsors Yobetit u EY Malta għall-appoġġ tagħhom lit-timijiet tas-‘seniors’ tal-klabb, kif ukoll lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball talli żgurat kontinwazzjoni għal kompetizzjonijiet uffiċjali minkejja dawn iż-żminijiet diffiċli.