Coronavirus Lokali Saħħa

TIKBER IL-PRESSJONI: Joħroġ tender biex il-privat jipprovdi żewġ swali tal-operazzjonijiet

It-teatri tal-operazzjonijiet u s-sala tal-In-Patients iridu jkunu fl-istess post

Ikompli joħroġ fid-deher il-paniku li qed jaħkem lill-Gvern minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19. Dan hekk kif avviż li deher illum fit-Times jgħid li l-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti għal żewġ swali tal-operazzjonijiet.

Tobba u infermiera li tkellmu ma’ Net News qalulna li dan huwa pass tajjeb, iżda jikkonferma li “altru milli s-sitwazzjoni tinsab fin-normalità”. L-istess professjonisti mediċi qalulna li t-tender maħruġ mill-Gvern huwa prova oħra li s-sistema tas-saħħa ikkollassat, ma fadalx aktar spazju għall-pazjenti, u l-operazzjonijiet qed jiġu affetwati.

Tabib ieħor irrimarkalna illi li kieku għandna San Luqa lest, kieku mgħandniex bżonn tender għat-teatri tal-operazzjonijiet.

“Hu ċar li ma tlaqniex niġru, u li aħna fl-isptar m’aħniex business as usual”, qaltilna infermiera li irrakkontat il-pressjoni li qed jaffaċjaw kemm fl-ITU u anke fl-Emerġenza.