Internazzjonali

Covid-19: Il-każi pożittivi fl-Ingilterra huma l-aktar baxxi minn Settembru…Għeluq sena mindu l-WHO iddikjarat pandemija

Il-każi ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fl-Ingilterra niżlu b’ 34 fil-mija fuq tal-ġimgħa preċedenti u meta l-ammont tal-infettati fil-pajjiż hu l-aktar wieħed baxx mit-23 ta’ Settembru.

Iċ-ċifri komplew jindikaw li l-programmi tat-tilqim u l-istrateġija tal-awtoritajiet Britanniċi biex irażżnu l-effetti tal-coronavirus qegħdin jagħtu l-frott, bl-istess awtoritajiet huma determinati biex ikomplu bil-programmi aggressivi bil-għan li r-restrizzjonijiet għall-poplu jibqgħu jonqsu fil-ġimgħat li ġejjin.

L-istatistika turi li total ta’ 45,229 persuna testjaw pożittiv fl-Ingilterra talanqas darba matul is-sebat ijiem qabel it-3 ta’ Marzu u li jikkonferma t-tnaqqis sostanzjali fin-numru tal-infettati fi spazju ta’ sebat ijiem biss. F’dik il-ġimgħa partikulari saru mat-2.8 miljun rapid test fl-Ingilterra u li hu l-akbar total ta’ testijiet għal ġimgħa partikulari mill-introduzzjoni ta’ dan il-proċess.

Sadanittant, l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq qed jiddiskuti meta t-tfal kollha għandhom jirritornaw l-iskola fil-pajjiż. Dan meta l-Ministru għall-Edukazzjoni, Peter Weir, irid li l-istudenti kollha jirritornaw fil-klassi fl-Irlanda ta Fuq sat-12 ta’ April.

Fl-Ingilterra, it-tfal kollha kienu rritornaw l-iskola fit-8 ta’ Marzu u fl-aħħar sigħat Peter Weir qal li ried ineħħi l-pjan biex it-tfal ta’ età primarja —  li ilhom min-nhar it-Tnejn li rritornaw fil-klassijiet – imorru lura għas-sistema tat-tagħlim mid-dar, magħruf bħala remote learning.

Issa għalqet sena mindu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat uffiċjalment  il-Covid-19 bħala pandemija. Minn dak iż-żmien, kien hemm ‘il fuq minn 116-il miljun każ u 2.5 miljun mewta madwar kważi 200 pajjiż.

Fi żviluppi oħra, il-kumpanija tal-farmaċewtika AstraZeneca qalet li l-vaċċin tagħha għal kontra l-Covid-19 hu sikur, permezz ta’ stqarrija speċifika li segwiet rapporti li d-Danimarka sospendiet l-użu ta’ ‘batch’ tal-vaċċin wara l-mewt ta’ mara minn trombożi, ftit wara li hi ngħatat it-tilqima.

Kelliem għall-AstraZeneca qal li l-kumpanija qed tagħti l-akbar priorità lis-sigurtà tal-pazjenti u li r-regolaturi jżommu dejjem ‘mal-massimu tal-kriterji’ qabel japprovaw xi mediċina ġdida bħat-tilqima inkwistjoni.