Lokali

Daqqa ta’ ħarta lill-industrija li diġà qed tbati ħafna – FELTOM

Il-Gvern mitlub ipoġġi bilqiegħda għal diskussjoni

“L-industrija tat-tagħlim tal-Ingliż, li ilħa f’sitwazzjoni prekarja sa minn Frar tal-2020 reġgħet ħadet daqqa ta’ ħarta – daqqa ta’ ħarta lill-industrija li diġà qed tbati ħafna”.

Sostniet din FELTOM b’reazzjoni għal miżuri mħabbra mill-Gvern l-Erbgħa filgħaxija, inkluż l-għeluq sal-11 ta’ April tal-istituzzjonijiet edukattivi.

Filwaqt li l-Federazzjoni saħqet li apprezzat li dawn il-miżuri ġew introdotti fid-dawl taż-żieda qawwija ta’ każijiet ta’ Covid-19, FELTOM sostniet li dan l-għeluq wasal fi żmien meta l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż “mhux biss f’dan il-perjodu jkunu qed jitħejjew sabiex jibdew jilqgħ studenti ġodda iżda f’ċirkostanzi normali jkunu diġà bdew jiproċessaw il-bookings għax-xhur tas-sajf”.

Għaldaqstant talbet lill-Gvern sabiex jikkonsulta mal-Federazzjoni sabiex jiġu stabbiliti miżuri neċessarji li jwaslu sabiex tiġi mħarsa din l-industrija.