Lokali

Il-Grupp Parlamentari tal-PN jikkontesta ż-żewġ rulings tal-Ispeaker

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar f’isem il-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista, ressqu kontestazzjoni quddiem il-Parlament dwar iż-żewġ rulings li ta l-Ispeaker aktar kmieni din il-ġimgħa wara talba tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker kien mitlub jagħti ruling dwar ksur tal-privileġġ parlamentari mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne meta b’abbuż, fil-Parlament, ivvinta stejjer infondati fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u deputati tal-Partit Nazzjonalista. Skont l-Onor. Fearne, dawn talbuh li jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19 qabel min imisshom. Saret ċaħda kategorika mill-Grupp Parlamentari kollu dwar dak li qal Chris Fearne.

Minkejja din iċ-ċaħda l-Viċi Prim Ministru naqas li jirtira l-istejjer li vvinta.
Għalhekk, b’responsabbilta’ u b’rispett lejn is-serjeta’ li titlob l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, l-Oppożizzjoni mhux biss qed titlob li d-deċiżjoni tal-Ispeaker tiġi riveduta iżda wkoll qed tappella lil-Viċi Prim Ministru Chris Fearne biex b’irġulija jirtira l-allegazzjonijiet infondati li għamel fil-Parlament.