Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-Gvern falla quddiem il-COVID-19 u għalhekk issa ma jistax jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar il-pandemija COVID-19, il-Kap tal-PN qal li dan id-dibattitu qed isir kontra x-xewqa tal-Gverm iżda l-PN fehem li s-sitwazzjoni timmerita dibattitu fil-parlament; il-PN qatt ma kien ċiniku dwar is-sitwazzjoni.
Hu qal li l-PN ħa l-akkużi tal-Gvern kontra deputati Nazzjonalisti bi kbira għax qatt ma ppolitiċizza din il-kwistjoni. Jien ma niġix hawn biex ninki lin-nies jew biex nagħmel teatrin għat-televiżjoni iżda biex nipprova nittrasmetti l-preokkapazzjonijiet tan-nies; għalhekk mhux buisness as usual, sostna l-Kap tal-PN.
Bernard Grech kompla li l-prekawzjoni fis-saħħa hi l-ewwel ħaġa li fuqha jrid isir enfasi u sostna li s-sitwazzjoni mhix kreat biss mill-varjant. L-ewwel darba li nstema’ l-varjant kien f’Diċembru, xahar qabel il-Prim Ministru ddikjara li kien hawn ġenna tal-art. Dan hu diskors perikoluż li jindika li min mhux jagħraf il-problema ma jistax jipprova u jirnexxielu jsolvieha.
Il-Gvern baqa’ jinjora l-problema u għalhekk ma jistax isolvieha, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim Ministru għamel diskors irresponabbli li fih ma kienx qed jaċċetta li s-sitwazzjoni kenet serja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Prim Minitru kellu joqgħod attent biex jieħu l-prekawzjonijiet biex il-varjant perikoluż ma jidħolx fil-pajjiż. Il-PN kien ippropona screening iktar serju iżda l-Gvern iddieħek b’dawn il-proposti; illum inutli għax il-varjant daħal u qed jagħmel ħerba.
Il-fissazzjoni tal-Gvern kienet li jbiegħ lill-poplu li kollox ward u żahar u li l-uniku soluzzjoni kienet il-vaċċin. Il-PN jaqbel li l-vaċċin hu soluzzjoni iżda hux waħdu; din il-rpova llum qed tingħata iktar mill-Gvern.
Il-poplu mhux se jfieq bil-vaċċin biss iżda jrid ikun hemm il-miżuri, sostna Bernard Grech, li kompla, li fil-politika hemm bżonn tiddaħħal is-serjetà, il-korrettezza u l-maturità.
Il-Kap tal-PN kompla li fl-aħħar siegħat u jiem kien irċieva mijiet ta’ messaġġi u qal li l-Gvern kellu jdaħħal miżuri drastiċi meta ma ħax il-miżuri iktar qabel meta kien meħtieġ.
Hu appella biex kulħadd ikun realistiku, matur u serju biex it-tama u l-kuraġġ ikunu ġenwini u biex il-Gvern ma jidħakx bin-nies f’wiċċhom fosthom bl-anzjani. Ġimgħatejn ilu l-anzjani kienu qed jittamaw li se jifirxu barra mill-bieb issa qed jirrealizzaw li l-Prim Ministru qed jidħak bihom.
Il-Kap tal-PN appella biex il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet jittieħdu f’waqthom u jkun umli quddiem il-proposti tal-Oppożizzjoni u tal-esperti, li qed ikunu injorati mill-Gvern. Il-Gvern jaf li l-affarijiet mhux isiru sew, sostna l-Kap tal-PN, li appella biex ċertu miżuri jkunu rranġati biex iż-żgħażagħ u ħaddiema jieħdu l-għajnuna.
Bernard Grech qal li jittama li l-Gvern issa fehem li s-sitwazzjoni hi serja u għandu l-obbligu li jara li jagħmel l-affarijiet sew. Il-Gvern ħela sena lill-anzjani milli jaraw lil uliedhom iżda l-poplu se jagħmel is-sagrifiċċji għalihom.
Dan il-Gvern falla u tilef il-kontroll u m’għandux idea tas-soluzzjonijiet; wasal iż-żmien li l-poplu jieħu s-sitwazzjoni f’diejh u jkun hu li jagħmel l-affarijiet neċessarji biex it-tixrid jieqaf billi jsiru s-sagrifiċċji.
Naqas il-Gvern u qed ibati l-poplu; il-poplu dejjem qam għall-okkażjoni, sostna Bernard Grech, li kompla li hemm nuqqasijiet fil-mod kif isiru l-appuntamenti għall-persuni li jingħataw il-vaċċin. Il-Prim Ministru ipprova jraqqa’ l-pannu bil-qar’aħmar, sostna Bernard Grech, li appella għall-għaqda. Hu espriema fiduċja fil-poplu li se jirbaħ; meta jirbaħ il-poplu tirbaħ Malta bid-determinazzjoni.
//= $special ?>