Il-Kamra tal-Avukati qed titlob lill-membri tagħha biex ma jattendu għall-ebda seduta tal-Qorti ta’ xi Tribunal ieħor b’effett mis-Sibt li ġej. Barra minhekk, jekk hemm seduti li għandhom isiru, dawn isiru biss b’mod virtwali.
Hekk ingħad fi stqarrija wara li l-Kamra nnutat kif hemm ġudikanti li xorta baqgħu jappuntaw seduti fil-Qorti b’mod normali, minkejja d-direttiva tal-Prim Imħallef biex, sal-11 ta’ April, jinstemgħu biss kawżi ta’ natura urġenti.
Il-Kamra qalet li stenniet li l-ġudikanti kollha jifhmu s-sitwazzjoni tal-Avukati u tal-partijiet fil-kawżi, tant li jiddeferixxu l-kawżi kollha li mhux verament ta’ natura urġenti, inkella jirrikorru għal mezzi teknoloġiċi.
Il-Kamra appellat lill-Avukati li jkollhom xi problema ma’ xi Qorti għax ikunu qed josservaw id-direttiva biex javżawha immedjatament. Fl-istess waqt, tispera li l-awtoritajiet kompetenti jintervjenu biex jittieħdu l-miżuri effettivi u immedjati ħalli tkun sospiża kull attività fil-Qorti qabel it-Tnejn li ġej.
//= $special ?>