“Minkejja li nemmnu li pajjiżna seta’ ma wasalx s’hawn li kieku ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji minn qabel b’mod deċiż u aħjar, il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jagħmel ħiltu kollha sabiex iżomm ħaj u jissalvagwardja s-settur tal-catering u r-ristoranti.” Dan qalu l-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa virtwali ma rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering.
Bernard Grech insista li aċċertahom li se jkun qed jwassal il-vuċi tagħhom, u dan fid-dawl ta’ miżuri mħabbra minn Robert Abela fejn għal darb’oħra reġa’ wassal lil pajjiżna fl-istess sitwazzjoni li kien bħal lum sena wara li ħlielhom sena li se jibqgħu jbatuha għal ħafna żmien.
Ghalhekk il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jaħdem sabiex jagħti vuċi lin-negozji u l-ħaddiema filwaqt li jaċċerta sabiex il-poplu jingħata s-serħan il-moħħ li jixraqlu u insista li flimkien biss nistgħu negħlbu dan l-ostaklu li pajjiżna ilu jħabbat wiċċu miegħu għal dawn l-aħħar tnax-il xahar. Il-Kap tal-Oppozizzjoni fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li kien l-ewwel li ppropona li ghandhom jinħarġu l-vouchers għar-ristoranti.
Il-Kelliema għall-Assoċjazzjoni saħqu li huma konvinti li m’humiex ir-ristoranti l-kawża tat-tixrid insistenti tal-virus, ankè minħabba l-fatt li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, ħafna mill-istabbilimenti kienu relattivament vojta. Huma saħqu dwar il-ħtieġa li jsir magħruf is-sors ewlieni taż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 sabiex l-iżbalji ma jerġgħux jiġu ripetuti wara l-11 ta’ April. Dan filwaqt li qablu l-għotja tal-Wage Supplement bħala duwwa li qed itaffi ferita imma żgur li mhux qed tfejjaqa. Huma sostnew li s-sidien tan-negozji flimkien mal-ħaddiema jinsabu mentalment eżawriti jinkwetaw fuq xogħlhom b’enfasi wkoll fuq l-hekk msejħa financial fatigue b’insistenza bil-flus fl-idejn qalb in-negozji huwa ftit li xejn.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar Edwin Vassallo kif ukoll il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Charles Selvaggi.
//= $special ?>