Il-Prinċep Edward, id-Duka ta’ Cambridge, insista li l-Familja Rjali Ingliża ‘lanqas qatt ma tista’ titqies bħala familja razzista’. Edward għamel dan il-kumment kategoriku meta għadhom jidwu l-allegazzjonijiet inkwetanti min-naħa ta’ ħuh, il-Prinċep Harry, u martu Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, waqt il-famuża intervista mal-preżentatriċi tat-talk shows Amerikana, Oprah Winfrey.
Intant, il-Prinċep William qal li kien għadu ma tkellimx ma’ Harry dwar l-intervista iżda beħsiebu jikkuntattja dalwaqt lid-Duka ta’ Sussex.
Harry u Meghan, li għaddejjin b’ħajja ġdida fl-Istati Uniti wara li xoljew minn mal-Familja Rjali kienu żvelaw, waqt l-intervista, li membru tal-Familja Rjali li baqa’ mhux identifikat kien ikkummenta ‘dwar il-possibbiltà li t-tarbija ta’ Meghan ( li dak iż-żmien kien għadu fil-ġuf ta’ ommu) ikollha karnaġġjon skur partikulari’.
Harry u Meghan ma riedux jidentifikaw lill-persuna, iżda d-Duka ta’ Sussex, wara, ikkjarifika li ‘il-kumment ma sarx mir-Reġina Eliżabetta jew żewġha, il-Prinċep Philip (id-Duka ta’ Edinburgh)’.
Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham qalu li l-allegazzjoni kienet waħda inkwetanti u li l-palazz qed jaħseb biex jindirizza l-każ fil-privat.
L-aħħar kummenti ta’ Edward dwar ‘l-element razzista potenzjali’ ingħataw meta hu kien qed iżur skola fi Stratford, fil-lvant ta’ Londra.
L-osservaturi qalu li kieku l-Prinċep Charles – il-missier ta’ William u Harry – kien fl-istess sitwazzjoni ta’ Edward, hu kien jevita milli jwieġeb id-domandi dwar l-intervista ma’ Oprah Winfrey.
Intant, l-osservaturi qablu li l-Prinċep William ħass li kien iż-żmien opportun biex hu jindirizza l-issue ( tal-intervista) b’mod mill-aktar dirett.
Filwaqt li l-media madwar id-dinja, fl-aħħar jiem, kompliet bl-insinwazzjonijiet u allegazzjonijiet li l-Familja Rjali Britannika ‘tħaddan is-sentimenti razzisti’ din kienet l-ewwel darba li xi ħadd mill-Familja – f’dan il-każ William – ħareġ u ċaħad għal din it-teorija b’mod enfatiku.
//= $special ?>