Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Laburista tal-Gżira f’attakk bla preċedent fuq il-Kunsillieri Lokali tal-PN

Wara li lbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel konferenza tal-aħbarijiet, li matulha elenka l-fehmiet tal-Partit fuq is-sitwazzjoni mwera tal-pandemija li ġab f’pajjiżna l-Gvern Laburista, is-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manche għamel attakk bla preċedent fuq il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fl-istess lokalità.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Jeremy Cardona, Shaun Farrugia, Jessica Borg u Hugh Caruana qalu li l-attakk fuqhom fuq il-mezzi soċjali ma kienx biss att ta’ intimidazzjoni, iżda kellu wkoll ksur tal-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll espona fil-pubbliku mingħajr permess, diskussjoni interna bejn il-Kunsillieri mingħajr ma nġabet l-approvazzjoni tal-Kunsillieri Lokali li kienu parti minn dik id-diskussjoni.

Fil-kitba tiegħu, Borg Manche attakka lill-Kunsillieri Lokali Nazzjonalisti li, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jappella biex jiġi evitat kuntatt personali, il-Kunsillieri Nazzjonalisti kienu qed jinsistu biex il-laqgħat tal-Kunsill isiru fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali.

Madankollu, is-Sindku ma qalx li din it-talba saret meta s-sitwazzjoni ma kinitx imwera daqs kemm hi llum, b’uħud mill-Kunsillieri Laburisti stess ikunu promoturi ewlenin ħalli l-laqgħat isiru fl-Uffiċċju tal-Kunsill u mhux b’mod virtwali. Aktar minhekk, l-attakk tas-Sindku kien indirizzat ukoll f’kummenti personali lejn il-Minority Leader, bi ksur tal-Ligi tal-Protezzjoni tad-Data.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jinsistu li minflok ma s-Sindku jkompli jattakka lill-Kunsillieri Nazzjonalisti, kif ukoll jattakka u jinsulenta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, jimxi mal-Liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali billi fost l-oħrajn ma jkomplix jikser il-Kodiċi ta’ Etika u jittratta lill-Kunsillieri Nazzjonalista, b’mod partikolari lill-Minority Leader Jeremy Cardona, b’mod xieraq.

Il-Kunsillieri Nazzjonalista qed jappellaw ukoll li s-Sindku messu informa lill-pubbliku kif hu jmexxi l-Kunsill Lokali, fosthom li, għax hu s-Sindku, ċerti deċizjonijiet jieħodhom waħdu u mhux mal-Kunsillieri kollha.

Barra minhekk, is-Sindku jmexxi l-laqgħat tal-Kunsill Lokali billi, fost l-oħrajn billi allegatament anke uża dagħa u kliem ieħor li mhux xieraq, bl-intimidazzjonijiet kontinwi u l-attakki fuq il-Kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista m’humiex iżolati. Għaldaqstant, il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista qed jinsistu li dawn l-attakki jsaħħuhom u jikkonvinċuhom aktar biex ikomplu jaħdmu għall-ġid tal-Gżirjani, filwaqt li jkomplu jkunu viġilanti biex jaraw li l-Kunsill jitmexxa sew u skond il-liġi.

Bħala rappreżentanti eletti mill-poplu, il-Kunsillieri Nazzjonalisti jassiguraw li se jkomplu sal-aħħar jaqdu d-dmirijiet tagħhom skont il-ġurament li ħadu u m’huma se jaqgħu għall-ebda intimidazzjoni.