Lokali Parlament

Is-sistema tas-saħħa kkrollat

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern quddiem l-isfida tal-COVID-19 wassal biex is-sistema tas-saħħa ikkrollat.

Fil-parlamentn Maria Deguaiara qalet li l-miżuri li tħabbru kienu simili għal dawk li kienu tħabbru xhur ilu meta n-numri ta’ każi tal-COVID kienu reġgħu bdew jgħollu rashom.

Waqt li fiċ-ċirkustanzi dawn il-miżuri kienu mistennija, anzi misshom ittieħdu ferm qabel, għal parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin dawn fissru t-tmiem tat-tama li kienu qed jistennew biex immorru lura lejn il-ħajja li sa tnax il-xahar ilu konna mdorrijin ngħixu.

Il-miżuri għal darba oħra reġgħu laqtu bil-qilla lill-anzjani kollha, li jammontaw għal madwar 100,000. Żgur li wieħed mill-effetti fuqhom hu l-anzjetà u l-biża’ li din il-pandemija ġabet magħha.

L-anzjani aktar minn ħaddieħor għexu l-aħħar sena jistennew li minn mument għall-ieħor jispiċċaw moribondi ġewwa sodda, jissiltu għal ħajjithom mingħajr lanqas il-konfort ta’ qrabathom madwarhom.

Oħrajn kienu tant imwerwrin li la resqu lejn l-isptar u lanqas ma marru għand it-tabib tal-familja għaliex beżgħu li jimirdu bil-Covid. Ħafna minnhom fallew l-appuntamenti regolari li kellhom b’riskju għal saħħithom.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li numru ieħor ta’ pazjenti li jbatu b’mard kroniku m’attendewx għax meta ċemplu l-isptar jistaqsu dwar l-appuntament qalulhom li aħjar li ma jmorrux għax jistgħu jimirdu bil-Covid. Il-follow-ups fiċ-ċentri tas-saħħa wkoll raw l-attendenza tonqos.

Għadni nisma l-kap tad-dipartiment tal-kardjologia jgħid kemm tilfu ħajjithom anzjani u persuni żgħar b’mard tal-qalb akut sempliċiment għaliex beżgħu jattendu l-isptar. Numru kbir minnhom setgħu jiġu salvati li kieku rrikkorrew għal kura meħtieġa fl-isptar.

Tajjeb li l-parti l-kbira tal-anzjani fir-residenzi ħadu t-tilqima u jinsabu protetti sa ċertu punt. It-tilqim mhux garanzija assoluta li ma jistgħux jerġgħu jimirdu jekk ma jzommhux il-prekawzjonijiet u r-rikomandazzjonijiet ta’ l-esperti speċjalment wara l-miġja tal-varjant Ingliż. It-tilqima barra li tipproteġi tgħin biex ittaffi l-effetti kollaterali tal-COVID.

L-anzjani u qrabathom jinsabu ukoll imħawda b’dikjarazjonijiet mill-awtoritajiet li ma jgħamlux sens. Il-pandemija wasslet biex numru kbir ta’ dijabetiċi sabu ruhom id-dar mingħajr eserċizzju u żiedu l-piż.

Spiċċa l-monitoraġġ ta’ numru ta’ kundizzjoni, fosthom dak tad-diabete minħabba l-pressjoni li l-COVID ġab fuq iċ-ċenrti tas-saħħa u l-isptarijiet. Dan wassal biex in-numru ta’ kumplikazzjonijiet marbuta mal-marda tad-diabete għolew ħafna.

Maria Deguara kompliet li servizzi oħra bħal dak ta’ screening għal kanċer tal-musrana, tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-prostata twaqqfu temporarjament.

Numru ta’ anzjani minkejja stennija ta’ xhur għal operazzjonijiet ippjanati, fosthom bdil ta’ l-irkoppa u l-ingroppa raw dawn l-appuntamenti ikkanċellati jew postposti. Is-swali tal-Emerġenza ġew użurpati biex ileħqu mad-domanda.

L-anzjani li sofrew kundizzjonijiet akuti bħal ksur ta’l-ingroppa kellhom jistennew numru ta’ ġimgħat qabel sarilhom l-intervent. Dan għar-raġuni li operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jeħtieġ rikoveru fl-ITU u s-sodod tal-ITU fil-preżent jinsabu kważi kollha okkupati b’nies kritikalment morda bil-COVID. Dan kollu wassal għal kollass tas-sistema tas-saħħa.

Forsi l-aktar persuni li ħalsu prezz għoli kienu dawk li sfortunatament tilfu ħajjithom. Il-familjari jistaqsu jekk dawn l-imwiet setgħux ġew evitati kieku l-awtoritajiet ħadu passi aktar kmieni u li l-miżuri jiġu nfurzati bis-serjetà.

Hi qalet li n-numru ta’ każi jisplodi regolarment wara attivitajiet bħal wara s-sajf, wara l-Milied u l-Ewwel tas-Sena, wara l-karnival u jekk ma noqgħodux attenti jkollna oħra wara l-Għid il-Kbir.

Ir-responsabilità biex noħorġu minn din il-pandemija hija tagħna lkoll. Il-pajjiżi li rnexxilhom jikkontrollaw il-firxa tal-pandemija huma dawk li kellhom il-kuraġġ jieħdu miżuri mhux popolari imma miżuri meħtieġa, sostniet id-deputat Nazzjonalista.