Futbol Sport

Kollox miftuħ bejn Manchester United u Milan

(Ritratt: EPA)

FL-ewwel partita mir-rawnd tal-aħħar sittax tal-UEFA Europa League il-ġganti Ewropej Manchester United u Milan temmew fi dro ta’ 1-1, b’ Milan jiksbu l-gowl tad-dro fl-aħħar minuta tal-partita. Milan ħasbu li marru fil-vantaġġ fl-erbatax-il minuta permezz ta’ Franck Kessie, li madanakollu il-gowl tiegħu ġie mħassar wara konsultazzjoni mal-VAR, minħabba li kien mess il-ballun b’idu waqt l-azzjoni tal-gowl. B’Milan ikunu aktar perikolużi matul l-ewwel taqsima, Manchester United marru viċin il-gowl fit-39 minuta meta minn cross ta’ Bruno Fernandes, Harry Maguire laqat il-lasta mill-viċin biex Milan ħelsuwha ħafif.

Fit-tieni taqsima Manchester United ħarġu jfittxu l-gowl u proprju fil-50 minuta marru fil-vantaġġ. Kien ballun preċiż fit-tul tal-Portugiż Bruno Fernandes li sab liż-żagħżugħ AMAD DIALLO li b’intelliġenza qabbeż bir-ras minn fuq Donnarumma għal 1-0. Biex fit-92 minuta, hekk kif kollox deher li kienet se tkun rebħa għal Man Utd, MIilan kellhom ħsieb ieħor. Kien corner minn fuq ix-xellug ta’ Rade Krunic, li sab lil SIMON KJAER li b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Dean Henderson għal skor finali ta’ 1-1.

Arsenal kisbu rebħa mportanti barra minn darhom kontra Olympiacos f’Ateni bl-iskor ta’ 3-1. Arsenal resqu viċin il-gowl fis-7 minuta meta minn cross ta’ Hector Bellerin, il-captain Pierre Emerick Aubameyang ra d-daqqa ta’ ras salvata mill-gowlkiper biex mgħejjun mil-lasta rnexxielu jżomm l-iskor 0-0. Madanakollu l-pressjoni ta’ Arsenal ħalliet l-impatt mixtieq fl-34 minuta permezz taż-żagħżugħ MARTIN ODEGAARD li b’xutt b’saħħtu mid-distanza ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper isalva għal 1-0.

Kontra x-xejra tal-logħob Olympiacos kisbu l-gowl tad-dro fit-58 minuta meta wara indeċiżjoni bejn Bernd Leno u Dani Ceballos, kien YOUSSEF EL ARABI li f’lasta vojta tefa’ ġewwa għal 1-1. Arsenal reġgħu kisbu l-vantaġġ fil-partita fit-80 minuta meta wara corner minn fuq il-lemin ta’ Willian, kien GABRIEL MAGHALAES li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil gowlkiper t’Olympiacos għal 2-1. MOHAMMED ELNENY għamilhom tlieta għal Arsenal fil-85 minuta b’xutt minn barra li ħabat mal-lasta u spiċċa fix-xibka għal 3-1.

Ajax kisbu rebħa komda f’darhom kontra Young Boys bl-iskor ta’ 3-0. L-ewwel taqsima kienet relattivament kwieta bil-gowls kollha jaslu fit-tieni taqsima. Ajax fetħu l-iskor fit-62 minuta permezz ta’ DAVY KLASSEN, wara li bidel il-ballun tajjeb ma’ Dusan Tadic. Ajax irduppjaw fit-82 minuta permezz ta’ DUSAN TADIC wara konklużjoni ta’ Nicolas Tagliafico. Biex fit-92 minuta, l-Olandi’i għalqu l-partita bit-tielet gowl jasal permezz ta’ BRIAN BROBBEY wara li sab ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-gowl u tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 3-0.

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa Rangers rebħu l-kampjonat Skoċċiż, fl-Europa League temmew fi dro ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Slavia Praha. It-tim ta’ Slavia Praha fetħu l-iskor fis-seba’ minuta meta Peter Olayinko għadda l-ballun lejn NICOLAE STANCIU li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil gowlkiper Allan McGregor għal 1-0. Madanakollu, it-tim immexxi minn Steven Gerrard, kisbu l-gowl tad-dro fis-36 minuta, meta wara li għadda tajjeb Ianis Hagi qassam lejn FILIP HELANDER li mill-viċin tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 1-1.

Roma kisbu rebħa importanti kontra Shaktar Donetsk bl-iskor ta’ 3-0. Roma marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita fit-23 minuta, meta minn pass ta’ Pedro Rodriguez, kien LORENZO PELLEGRINI li tefa’ ġewwa għal 1-0. Roma rdoppjaw fit-73 minuta permezz ta’ STEPHAN EL SHAARAWY li wara azzjoni personali tefa’ ġewwa għal 2-0. It-tim minn Ruma għamluwhom tlieta fis-77 minuta meta minn pass ta’ Bryan Cristante kien GIANLUCA MANCINI li għalaq il-partita u ta’ vantaġġ ta’ tliet gowls lil Roma għat-tieni leg.

Tottenham għelbu lil Dinamo Zagreb f’Londra bl-iskor ta’ 2-0 It-tim immexxi minn Jose Mourinho marru fi;-vantaġġ fil-25 minuta meta wara li l-ewwel tentattiv ta’ Erik Lamela ħabat mal-lasta, mit-tieni tentattiv HARRY KANE ikkonkluda għal ġewwa għal 1-0. Fid-70 minuta reġa’ kien l-attakant prolifiku HARRY KANE li rdoppja għal Tottenham, wara li d-difi’a naqset milli tbiegħed il-periklu, biex skorja is-26 gowl personali f’dan l-istaġun

Riżultati: Man Utd v Milan 1-1, D. Kiev v Villareal 0-2, Ajax v Young Boys 3-0, S. Praha v Rangers 1-1, Olympiacos v Arsenal 3-1, Granada v, Molde 2-0, Tottenham v D. Zagreb 2-0, Roma v S. Donetsk 3-0