Il-miżuri li ħabbar ilbieraħ il-Gvern se jkomplu jitfgħu aktar pressjoni finanzjarja fuq l-industrija tal-ospitalità wara t-tnaqqis drastiku li diġà rat mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 f’Marzu 2020.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) qalet li tifhem is-serjetà tas-sitwazzjoni, filwaqt li qed tittama fi proċess mgħaġġel u effiċjenti tal-għoti tal-vaċċin f’pajjiżna. B’hekk, kulħadd jibda jersaq lejn forma ta’ normalità, filwaqt li l-industrija tal-ospitalità tinqala’ miz-zona ta’ ‘kura intensiva’ għal zona ta’ ‘rijabilitazzjoni’.
L-MHRA awgurat li l-‘herd immunity’ tintlaħaq qabel l-aħħar ta’ Ġunju li ġej, bit-tama li l-industrija tal-ospitalità tkun tista’ tilqa’ n-nies matul l-istaġun tas-Sajf. Għaldaqstant, qalet li l-għan tal-Gvern li l-‘herd immunity’ jintlaħaq sal-aħħar ta’ Awwissu 2021, jitmexxa ‘l quddiem ħalli tintlaħaq il-mira tal-aħħar ta’ Ġunju.
L-MHRA qalet li l-membri tagħha se jibqgħu jappoġġjaw il-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, filwaqt li tkompli tiddiskuti ħalli tara li pajjiżna jfittex joħroġ minn dawn iż-żminijiet diffiċli.
//= $special ?>