Internazzjonali

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil: ma joffrix biżżejjed solidarjetà u ma jqisx il-piż tqil fuq l-Isati Membri tal-ewwel wasla

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fattibbiltà ta’ għadd mill-proposti fil-Patt. Hemm tħassib serju li l-Patt jista’ saħansitra jżid mal-pressjoni li diġà ma jlaħħqux magħha l-Istati Membri tal-ewwel wasla li, effettivament, tbiddilhom f’“ċentri magħluqa” għall-migranti fil-fruntieri tal-UE

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, iżda jsostni li se jkun diffiċli li l-proposti li jistabbilixxi jiġu implimentati, u ma jistgħux jitqiesu li huma pass ċar lejn il-ħolqien ta’ strateġija komuni tal-UE li hija reżiljenti u li tħares ’il quddiem dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

F’żewġ Opinjonijiet reċenti, li fihom janalizza diversi proposti għal Regolamenti li jirregolaw il-ġestjoni tal-ażil u l-proċeduri tal-ażil, il-KESE jiddikjara li l-Patt ġdid jista’ ma jkunx kapaċi jiżgura l-ipproċessar ġust u effiċjenti tal-applikazzjonijiet għall-ażil. Jeħtieġ li dawn jiġu kondiviżi b’mod ugwali bejn l-Istati Membri, li jirriżulta fl-għoti rapidu ta’ protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tal-UE lil dawk il-migranti li jeħtiġuha u r-ritorn ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għaliha.

Għall-kuntrarju, ma jistax ħlief jiżdied il-piż tar-responsabbiltà u tal-inkonvenjenza għall-pajjiżi tal-ewwel wasla, peress li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà propost, li suppost jirregola l-kontroll tal-flussi ta’ migrazzjoni fil-fruntieri, huwa bbażat fuq sistema ta’ solidarjetà li hija ipotetika u volontarja.

Dan ifisser li, skont il-mekkaniżmu, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħżlu jekk jixtiqux jipparteċipaw fir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari. Madankollu, ma hemm l-ebda referenza għal inċentivi biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jipparteċipaw, jew għal kriterji ċari dwar kemm kull pajjiż għandu jikkontribwixxi.

Flimkien mal-proposti l-ġodda tal-Patt dwar kontrolli preventivi u l-kontroll tal-fruntieri, li x’aktarx se jwasslu għal proċeduri kumplessi u twal fil-fruntieri esterni tal-UE, il-mekkaniżmu jista’ jwassal għal trasformazzjoni tal-pajjiżi tal-ewwel wasla f’ċentri kbar ta’ qabel it-tluq jew ta’ detenzjoni, li jżid il-possibbiltajiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-pressjoni fuq il-komunitajiet ospitanti.

“Il-Patt mhuwiex ideali. Xtaqna xi ħaġa b’aktar inizjattiva, xi ħaġa li hija aktar ta’ appoġġ. Iżda rridu napprovawh. Għandu xi ideat ġodda wara l-falliment tal-proċess ta’ Dublin, u huwa pakkett kbir. Huwa estremament importanti għall-futur tal-UE”, qal Dimitris Dimitriadis, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar il-ġestjoni tal-ażil.

Is-Sur Dimitriadis isostni li r-regolamenti proposti fil-Patt jinvokaw il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, iżda jemmen li l-obbligi ta’ solidarjetà tal-Istati Membri tal-ewwel wasla huma sproporzjonati. Il-proċeduri ma jagħtu l-ebda garanzija għar-rilokazzjoni. Hemm biss proċeduri obbligatorji fil-fruntieri mingħajr mekkaniżmu awtomatiku ta’ tqassim. “Fi kliem sempliċi, is-solidarjetà, fil-forma ta’ rilokazzjoni, ma tistax tkun volontarja. Is-solidarjetà jeħtieġ li tkun awtomatika u jeħtieġ li tkun vinkolanti. Jeħtieġ li jkollna rilokazzjonijiet obbligatorji mingħajr dubji, mingħajr piżijiet amministrattivi jew burokrazija li xxekkilhom”, isostni s-Sur Dimitriadis.

Panagiotis Gkofas, relatur tal-Opinjoni dwar il-proċeduri tal-ażil skont il-Patt ġdid, għandu viżjoni pessimista dwar l-eżitu tal-implimentazzjoni tal-Patt: “Fl-aħħar mill-aħħar, ir-Regolamenti proposti se jpoġġu piż enormi fuq l-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa, bil-konsegwenza inevitabbli li r-Regolamenti mhux se jkunu applikabbli u se jonqsu milli jiksbu r-riżultat maħsub tagħhom. Dawn l-Istati Membri mhu se jkollhom l-ebda għażla ħlief li jsiru jew ċentri ta’ detenzjoni jew ċentri ta’ qabel it-tluq għall-bnedmin, għal perjodu ta’ madwar sitt jew seba’ xhur, jekk mhux aktar, sakemm isir magħruf l-eżitu tal-proċeduri, li jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet li huma ħafna agħar minn qabel.”

Skont is-Sur Gkofas, l-Istati Membri se jkunu mġiegħla de facto “jirrifjutaw ħafna applikazzjonijiet għall-ażil, anke dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jingħata l-ażil, sabiex jiġi evitat li għadd dejjem jikber ta’ nies jinżammu flimkien f’kundizzjonijiet inumani”.

PROPOSTI SKRUTINIZZATI

Il-leġiżlazzjoni analizzata fl-Opinjonijiet tinkludi l-proposti għal Regolament dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil u għal Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-migrazzjoni u ta’ force majeure. Tlieta mid-disa’ strumenti fil-Patt il-Ġdid ġew skrutinizzati wkoll: Regolament ġdid dwar l-iskrinjar; proposta emendata li tirrevedi r-Regolament dwar il-proċeduri tal-ażil; u proposta emendata għal riformulazzjoni tar-Regolament tal-Eurodac.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-proposti jkollhom l-istatus legali ta’ regolament, li huwa vinkolanti u applikabbli direttament fl-Istati Membri. Madankollu, sabiex issir politika sħiħa, ir-Regolamenti proposti rilevanti kollha se jkollhom jiġu adottati fl-istess ħin.

Fost affarijiet oħra, il-KESE jiddiskuti l-politika proposta ta’ ritorn lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, li tista’ tkun mimlija bi problemi, peress li l-UE se jkollha tiddependi mir-rieda ta’ dawn il-pajjiżi, kemm ta’ oriġini kif ukoll ta’ tranżitu, li jikkollaboraw. Huwa għalhekk li dawn il-pajjiżi għandhom jingħataw inċentivi u diżinċentivi ċari.

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ komponent ta’ kriżijiet u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni.

Għalkemm ir-Regolament dwar sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure jipprovdi opportunità għal solidarjetà vinkolanti, huwa jkopri l-appoġġ proċedurali aktar milli l-miżuri ta’ solidarjetà f’każ ta’ emerġenza. Is-solidarjetà tiddgħajjef minħabba l-proċeduri kumplessi u burokratiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

Il-KESE jesprimi tħassib dwar il-proċeduri l-ġodda fuq il-fruntieri, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tad-dritt għal applikazzjoni għall-ażil. Huwa joġġezzjona għall-użu ta’ kunċetti legali definiti ħażin, bħal “theddida għas-sigurtà” u “ordni pubbliku”, jew il-kunċett difettuż ta’ “pajjiżi b’rati baxxi ta’ rikonoxximent tal-ażil”, li jagħtu lok għal inċertezza tad-dritt.

Fil-fehma tal-KESE, il-proposti jħallu ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġiba, bħal kif u fejn se jinżammu n-nies matul il-proċedura fuq il-fruntiera, u kif tista’ tiġi evitata sitwazzjoni ta’ limbu legali permezz ta’ garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ir-Regolament dwar il-proċedura ta’ ażil għandu jagħmel is-solidarjetà obbligatorja fil-każ ta’ rilokazzjoni: mingħajr tali dispożizzjoni u sakemm ma jinħolqux proċeduri li jippermettu li l-persuni japplikaw għall-ażil fl-Istati Membri tal-UE mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu l-fruntieri tal-UE, f’termini prattiċi, ir-Regolament mhux se jaħdem.

Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis b’mod speċjali familji bi tfal u minorenni mhux akkumpanjati, u jiddikjara li mhuwiex aċċettabbli li t-tfal jitqiesu biss bħala tali taħt l-età ta’ 12-il sena u mhux taħt it-18-il sena, li jmur kontra d-dritt internazzjonali.