Internazzjonali

AstraZeneca: Il-WHO tiddefendi t-tilqim u ma tarax ħtieġa ‘għal bidla ta’ politika’

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li mhemm l-ebda raġuni għalfejn il-pajjiżi mgħandhomx ikomplu jużaw il-vaċċini tal-AstraZeneca. Dan wara li numru ta’ rapporti dwar ‘każi ta’ trombożi (relatati mat-tilqima) fin-nies’ wasslu biex numru ta’ pajjiżi Ewropej , flimkien mat-Tajlandja, jissospendu l-programmi tat-tilqim relatati mal-vaċċin partikulari.

Il-Ġermanja ukoll appoġġjat l-użu ta’ din it-tilqima wara li r-regolaturi tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw li ma jeżistu l-ebda provi li l-vaċċin tal-AstraZeneca qed jikkaġuna xi after-effects perikolużi fil-ġisem. Dan meta kien hemm biss 30 rapport dwar ‘inċidenzi ta’ trombożi’ fost ħames miljun persuna li ngħataw dik id-doża.

Margaret Harris, kelliema għall-WHO, fl-aħħar sigħat enfasizzat l-importanza li l-pajjiżi jibqgħu jlaqqmu lin-nies bit-tilqim tal-AstraZeneca u li ‘mhemmx indikazzjonijiet li jirrikjedu bidla f’din il-politika’.

Dan wara li d-Danimarka, in-Norveġja u l-Iżlanda sospendew il-vaċċini tal-AstraZeneca — bl-Awstrija u pajjiżi oħra jpoġġu kunsinna ta’ dan il-vaċċin fuq ‘il-lista s-sewda’ wara li infermiera ta’ 49 sena mietet għaxart ijiem wara li ngħatat it-tilqima.

Madankollu, l-esperti tal-UE dwar is-sigurtà tal-vaċċini jemmnu li ‘mhux probabbli’ li l-kunsinna inkwistjoni tista’ tkun waħda difettuża.